Lokali

“Kandidati ġodda li se jkomplu jagħmlu lill-PN il-Partit tan-Nies” – Rosette Thake

Matul id-diskussjoni bit-tema ‘Partit li tista’tafda’ kienu introdotti s-seba’ kandidati ġodda li l-Partit Nazzjonalista approva iktar kmieni matul din il-ġimgħa.Kandidati li, kif saħqet is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalsita Rosette Thake, għandhom il-għan li jkomplu jagħmlu lill-Partit Nazzjonalista l-Partit tan-Nies.

 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista faħħret l-impenn tal-kandidati l-ġodda u saħqet li tapprezza li din il-ħidma titlob sagrificcju u impenn kbir.

 

Fl-introduzzjoni tagħha, il-kandidata l-ġdida Mary Bezzina qalet li hija temmen fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista tara onestà u integrità li jwasslu biex nirnexxu lkoll flimkien.

 

Doris Borg ffukat l-introduzzjoni tagħha fuq il-proposti tal-Oppożizzjoni fl-oqsma tal-ekonomija, l-ambjent u l-politika onesta.

 

Jean Pierre Debono sostna li mexxejja preċedenti tal-Partit Nazzjonalista dejjem wieġbu għas-sejħa taż-żminijiet. Bl-istess mod il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jkun qed iwieġeb għas-sejħa biex jerġa’ jibni l-politika fuq il-valuri tas-sewwa u tal-onestà.

 

Joe Ellis sostna li tmexxija tajba tkun imsejsa fuq it-trasparenza u mhux fuq il-populiżmu u jkollha viżjoni lejn il-futur. Huwa qal li f’Simon Busuttil jara l-valuri tal-integrità, l-intelliġenza u l-umanità.

 

Ian Vassallo qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fl-individwu u fit-tqassim tal-ġid komuni u saħaq li fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jara persuna integra li tista’ tnaddaf il-politika.

 

Stanley Zammit saħaq li pajjina f’dan il-mument għandu bżonn persuna bħal Simon Busuttil li jippromwovi politika onesta.

 

Il-kandidat il-ġdid Paolo Mazzola ma setax ikun preżenti għal din l-attività.

 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil  qal li dan hu kapitlu ieħor ta’ tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li se jwassal lill-Partit Nazzjonalista għall-isfida ta’ elezzjoni ġenerali tiġi meta tiġi. Huwa fakkar li din mhijiex sfida faċli iżda sfida li tista’ tintrebaħ għax is-sewwa jirbaħ żgur.