Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Uħud mill-membri jistgħu jostakolaw ftehim għal Brexit

A Union Jack flag flutters next to European Union flags ahead of a visit from Britain's Prime Minister David Cameron at the EU Commission headquarters in Brussels, Belgium February 16, 2016. REUTERS/Yves Herman

 

Grupp ta’ Stati tal-UE miċ-ċentru tal-Ewropa – magħrufa bħala l-‘Erbgħa tal-Visegrad’ – huma lesti biex jeżerċitaw il-veto fil-konfront ta’ kwalunkwe ftehim għal Brexit li jillimita d-dritt tan-nies biex jaħdmu u jsibu x-xogħol fir-Renju Unit.

Dan qalu l-Prim Ministru tas-Slovakkja, Robert Fico, waqt intervista lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters u meta, skont hu, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka ‘se jżommu iebsa fin-negozjati’ dwar it-tluq eventwali tar-Renju Unit mill-UE.

Il-kummenti ta’ Fico jsegwu l-ewwel summit importanti tal-Unjoni Ewropea mingħajr rappreżentanza Britannika. Sadanittant, l-issue tal-Brexit – minkejja li ma kenitx diskussa formalment waqt is-summit ta’ Bratislava – kienet xorta ‘dell tqil’ fuq il-laqgħa għall-Mexxejja Ewropej fil-kapitali Slovakka.

Fl-aħħar tas-summit, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, irrepeta li r-Renju Unit ma jistax jikseb aċċess sħiħ ‘u b’mod li jixtieq hu’ għas-suq tal-UE, f’każ li l-Gvern Britanniku ‘jagħlaq l-immigrazzjoni ħielsa għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea’.

Sadanittant, Fico enfasizza li hu u l-Mexxejja l-oħra tal-pajjiżi Ewropej taċ-Ċentru ( li ċ-ċittadini tagħhom jiffurmaw parti kbira mill-immigranti tal-UE fir-Renju Unit) ‘mhumiex se jippermettu li dawn in-nies jispiċċaw qishom ċittadini tat-tieni klassi’.

Il-Prim Ministru Slovakk, waqt l-intervista, għamilha ċara li l-imsemmi grupp tal-pajjiżi ta’ Visegrad (V4) mhux dispost għal xi kompromess faċli ‘u dment li dawn l-Istati ma jarawx garanziji li ċ-ċittadini tagħhom huma ugwali għal ħaddieħor, ikunu lesti biex jużaw il-veto għal kwalunkwe ftehim li jintlaħaq bejn l-UE u r-Renju Unit.’

Mill-banda l-oħra, l-Ambaxxatur Ċek għar-Renju Unit, Libor Secka, qal li ‘din ma kenitx stqarrija uffiċjali’ dwar il-pożizzjoni komuni tal-Istati tal-Visegrad rigward kif se javviċinaw in-negozjati għall-Brexit. Secka kompla li filwaqt li hu jirrispetta l-fehma ta’ Robert Fico, jemmen, fl-istess ħin, li għandha tkun il-Polonja, li għandha l-Presidenza tal-Visegrad, li titkellem f’isem il-grupp.

Il-grupp ta’ Visegrad kemm il-darba oppona l-isforzi tal-UE għall-introduzzjoni tal-kwoti fissi għall-immigranti