Il-persuna li kixef l-iskandlu tal-visas mediċi poġġa lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet u ħabbar li hu lest jagħti l-provi kollha li għandu, inkluż filmati u dokumenti, kif ukoll jixhed f’dan il-każ.
Dan wara li kixef lil Neville Gafa, persuna ta’ fiduċja li kien jaħdem fi ħdan il-Minsiteru tas-Saħħa, responsabbli mill-ħruġ ta’ visas mediċi lil-Libjani u li jinsab akkużat li daħħal f’butu eluf ta’ ewro biex għamel dan.
Khaled Ben Nasan qal lil The Malta Independent on Sunday li lest jagħmel dan kemm-il darba l-Gvern Malti jaħtar kummissjoni, iffurmata mill-awtoritajiet Maltin u dawk Libjani li wkoll għandhom informazzjoni x’jgħaddu dwar dan l-iskandlu.
Madankollu, s’issa l-Gvern Malti lanqas biss ħareġ permess biex dawn il-Libjani, inkluż ammont ta’ ministri, ikunu jistgħu jiġu f’Malta u jagħtu x-xhieda tagħhom. Fost dawn jidher li hemm ukoll il-Ministru tas-Saħħa tal-Libja.
Skont Ivan Grech Mintoff, li fi stqarrija ftit tal-jiem ilu giddeb lill-Gvern Malti billi pproduċa evidenza li kien hemm korrispondenza uffiċjali mal-awtoritajiet Libjani, l-ammont ta’ persuni Libjani, bejn politiċi u nies komuni, li lesti jixhdu jlaħħaq l-erba’ mitt persuna.
Madankollu tenna li l-Gvern Malti qed jagħmilha impossibbli li dawn jiġu f’pajjiżna, u qal ukoll li Libjani f’pajjiżna jafu b’dan il-każ imma jibżgħu li jekk jitkellmu jispiċċaw bil-permess ta’ residenza revokat.
Hemm ukoll mijiet ta’ qraba ta’ Libjani mietu qabel inħarġitilhom visa medika biex b’hekk ikunu jistgħu jingħataw il-kura f’Malta. Dan għaliex, skont Ben Nasan, minflok inħarġet visa medika lil dawn il-persuni li ġenwinament kellhom bżonnha, ġew akkomodati Libjani oħra li ħallsu eluf ta’ ewro, f’xi każi anke €5,000, minkejja li wħud minnhom imniżżla bħala persuni perikolużi ħafna.
Ben Nasan stqarr li jekk id-dokumenti li għandu jsiru pubbliċi, tittappan ir-relazzjoni tajba bejn Malta u l-Libja. Fid-dawl ta’ dan appella lill-Gvern biex ilaqqa’ kumitat iffurmat minn membri tal-gvernijiet rispettivi biex minflok l-evidenza titpoġġa hemm.
Madankollu, s’issa l-Gvern injora dawn l-appelli, waqt li midja qrib il-Partit Laburista bħall-Malta Today, l-Orizzont, Inews u One kienu mpenjati f’attentat ta’ assassinju tal-karattru ta’ Ben Nasan.
//= $special ?>