Lokali

Muscat jibqa’ għaddej b’Leo Brincat

Filwaqt li jgħid li ħa nota tal-vot massiċċ tal-Parlament Ewropew iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna mill-ġdid li l-Gvern se jibqa’ għaddej bin-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri quddiem il-Kunsill Ewropew. Muscat qal dan waqt intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju Laburista.

Waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasbourg, 381 ewroparlamentari ivvotaw kontra n-nomina ta’ Leo Brincat u 58 astjenew. B’kollox, żewġ terzi ta’ dawk li vvutaw fil-Parlament Ewropew ma wrewx fiduċja fin-nomina tal-Gvern ta’ Muscat.

Fl-intervista, Muscat kompla li hu kburi li hu salesman ta’ Malta u li qed ibiegħ dak li joffri pajjiżna. Qal li hu kburi wkoll li ħares lejn pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Ażerbaijan.

Waqt l-intervent tiegħu Muscat qal ukoll li l-liġi tal-Whistleblower qed tiġi deskritta bħala benchmark fost il-pajjiżi Ewropej. Dan fl-istess waqt li persuna li għandha dettalji dwar l-iskandli tal-visas mediċi, li jinvolvu persuna qrib il-Prim Ministru, mhux biss ma saret ebda investigazzjoni, talli l-persuna li qed tikxef dan l-iskandlu sfat mhedda għal darba darbtejn.

Muscat ikompli jwebbes rasu u jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna – il-PN

Fi stqarrija, il-PN qal li flok jiskuża ruħu għall-mod kif żeblah isem Malta ma’ kulħadd bil-voti qawwija kontra ż-żewġ nominati tiegħu għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Muscat qed jinsisti li jibqa jwebbes rasu u jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-PN qal li l-vot tal-Parlament Ewropew kien qawwi kontra l-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Muscat, tant li vvutaw kontrieh Ewroparlamentari mill-partiti politiċi Ewropej kollha, inkluż dawk tal-Partit Soċjalista li l-Partit Laburista hu parti mill-familja tiegħu.

Muscat qed jagħżel li jibqa’ jwebbes rasu wkoll minkejja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jappoġġja nomina ta’ persuna li hija serja u li mhix marbuta mal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti tal-Panama, bħal, per eżempju, l-Awditur Ġenerali u l-Omubdsman.

L-istqarrija ttemm li Muscat, iżda qed jagħżel li jibqa’ jiddeċiedi ħażin, u fl-istess ħin, ikompli jagħmel ħsara lil pajjiżna.