Kunsilli Lokali Lokali

Parkeġġ fl-Isla: Resident ikollu jirrikorri għal protest ġudizzjarju

Resident ta’ Triq San Franġisk, fl-Isla, ressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti wara li ilu snin sħaħ jitlob lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu azzjoni dwar parkeġġ fi Triq San Franġisk, fl-Isla.

Il-kwistjoni hi dwar triq li tant hi dejqa li jekk karozza tipparkja fiha timblokka l-aċċess. Minkejja dan, u minkejja diversi talbiet li għamel ir-resident Larry Abela, ma ttieħdet l-ebda azzjoni.

In-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kunsill Lokali wasslet biex Abela lmenta wkoll quddiem il-Bord tal-Governanza, li kien iddeċieda li f’din it-triq m’għandux isir parkeġġ u li l-Kunsill Lokali għandu d-dmir li jara li ma jsirx parkeġġ illegali fiha.

Id-deċiżjoni tal-Bord kienet komunikata lill-awtoritajiet, fosthom lis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo. Dan madankollu ma ħalla l-ebda riżultat, u s-sitwazzjoni baqgħet kif kienet.

Dan wassal biex ir-resident, Larry Abela kien sfurzat li jressaq protest ġudizzjarju fil-konfront tas-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Isla, Transport Malta, il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, fejn qed iżommhom responsabbli għad-danni li sofra u d-danni li jista’ jsofri fil-futur minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni f’din il-kwistjoni.