Lokali

Aġġornata: Wara ħabta f’Raħal Ġdid, karozza tispiċċa fuq il-bankina

Żewġ ġuvintur kellhom jiddaħħlu l-isptar Mater Dei għall-kura wara ħabta bejn żewġ vetturi li seħħet għall-ħabta tal-11am fi Triq Ħal Tarxien f’Raħal Ġdid.

Il-ġuvintur kienu f’karozza tat-tip Vauxhall Nova meta għal xi raġuni, wieħed mill-ġuvintur li kien qed isuq il-karozza, tilef il-kontroll u qasam għan-naħa l-oħra tat-triq.

B’konsegwenza ta’ dan, hu ħabat ma’ karozza li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta u bil-ħabta, tela’ fuq bankina u ħabat ma’ faċċata ta’ dar.

Ix-xufier tal-karozza għandu 20 sena minn Bormla , filwaqt li ż-żagħżugħ li kien passiġġier ukoll għandu 20 sena u hu minn Ħal Tarxien.

Fil-karozza l-oħra, tat-tip Volkswagen Polo kien hemm omm u binha, li ma sofrew l-ebda feriti. L-omm għandha 37 sena u hi minn Ħal Tarxien ukoll.

Qarrej ta’ NETnews.com.mt kiteb li l-istess Vauxhall Nova diġa kellha x’taqsam mal-Pulizija meta ftit tal-jiem ilu twaqqfet mill-Pulizija wara li kienet qed tinstaq b’veloċità qawwija u f’toroq ‘wrong way’.

Persuni oħra li fuq il-post u tkellmu ma’ NETnews.com.mt ikkonfermaw dan ir-rapport.