Lokali

FILMAT: Ian Borg jgħid li ma jafx għaliex l-MEPs, inkluż Soċjalisti, ivvutaw kontra Leo Brincat

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li ma jafx għaliex il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw kontra n-nominat tal-Prim Ministru Joseph Muscat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat.

Ian Borg kien mistoqsi minn NETnews.com.mt għaliex l-MEPs ivvutaw kontra Leo Brincat, ladarba l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-vot kontra ma kienx dwar l-integrità ta’ Leo Brincat. “Staqsi lilhom” (lill-MEPs) qalilna Leo Brincat, meta mistoqsi biex jgħid għaliex ivvutaw kontra n-nominat ta’ Muscat.

Ian Borg kompla li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel pressjoni għal vot kontra, b’NETnews jistaqsi kif allura kien hemm ukoll MEPs Soċjalisti li wkoll ivvutaw kontra Leo Brincat. Għal dan, is-Segretarju Parlamentari wieġeb li l-Parlament Ewropew għandu sistema differenti minn ta’ Malta fejn MEPs jistgħu jivvutaw kontra l-linja tal-partit tagħhom.

Leo Brincat falla mill-vot fil-Parlament Ewropew, meta 381 MEP, inkluż mill-partit tas-Soċjalisti, ivvutaw kontra Leo Brincat. In-nomina ta’ Leo Brincat, u l-mod kif Joseph Muscat se jirrombla minn fuq il-Parlament Ewropew, ġab il-kundanna ta’ diversi MEPs, fosthom l-MEP Soċjalista Ana Gomes.

Ġimgħa qabel il-vot fil-Parlament Ewropew, waqt il-‘grilling’ quddiem Kumitat tal-Parlament Ewropew, Leo Brincat kien iffaċċjat b’mistoqsijiet imbarazzanti dwar il-mod kif ivvota favur il-Ministru Konrad Mizzi f’vot ta’ sfiduċja fil-Parlament Malti – minkejja li Konrad Mizzi hu nvolut fl-iskandlu tal-Panama.