Lokali

Filmat: “Il-Partit Nazzjonalista hu l-futur ta’ pajjiżna” – eks Laburist

“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-futur ta’ pajjiżna. Għalkemm ittamajt li l-Partit Laburista se jinbidel, dan baqa’ l-istess”.

Kliem Martin Camilleri, eks tesserat Laburista li ħadem ħafna fil-każini Laburisti. Martin kien wieħed mill-kelliema waqt id-diskussjoni li saret fuq il-Fosos waqt l-attivitajiet li l-Partit Nazzjonalista qed jorganizza fuq il-Fosos tal-Furjana.

Martin Camilleri qal li llum taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat huwa ż-żgħir li qed ibati  u mhux min ħa l-miljuni minn dan il-Gvern.

Martin spjega kif illum huwa deluż mill-Gvern li jħoss li ttradixxa l-fiduċja tiegħu.

Għall-kuntrarju Martin Camilleri qal li fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sab persuna li laqgħu b’idejh miftuħa u li kien lest jisimgħu.

Fi tmiem id-diskussjoni il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li huwa jiltaqa’ ma’ persuni li huma Laburisti ġenwini li llum jemmnu li l-Partit Laburisa ma għadux jirrappreżenta t-twemmin tagħhom għax fil-Partit Laburista jaraw partit falz li biegħ ruħu u li għamel ftit nies miljunarji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm id-diskors tiegħu b’appell ġenwin lil dawk li llum qed iħossuhom ingannati minn dan il-Gvern ta’ Joseph Muscat: ‘Issa li rajt kif waqgħet il-maskra ta’ Joseph Muscat, wasal il-mument li terġa’ tingħaqad mal-familja Nazzjonalista”.