Kurżitajiet Lokali

FILMAT: Jinqabad ikisser biex jisraq żewġ rollijiet ‘toilet paper’

Raġel inqabad ikisser propjetà pubblika biex jisraq żewġ rollijiet ‘toilet paper’ minn latrina pubblika.

Fil-filmat, ir-raġel jidher qed ikisser ‘holders’ tat-toilet paper. Malli qala’ l-holders, waddabhom mal-art u ħareġ mil-latrina… iżda mhux qabel ħa r-rollijiet tat-toilet paper.

Il-latrina tinsab Marsaxlokk, u l-filmat tpoġġa online minn wieħed mill-kunsillieri tal-lokalità, b’appell biex il-pubbliku jidentifika lir-raġel sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi. Filfatt, il-Pulizija qalet fi stqarrija li r-raġel ġie identifikat u l-każ qed ikun investigat mill-Pulizija.

Fuq Facebook, persuna qalet li għarfet lir-raġel, u li l-istess persuna diġa kien involut f’każ ieħor li fih ivvandalizza xi karozzi.

Kamera tas-sigurtà ġo latrina pubblika?

Malli l-filmat ittella’ fuq Facebook (mingħajr iċ-ċensura fuq il-wiċċ), ħafna staqsew kif hemm kamera tas-sigurtà mwaħħla f’latrina pubblika.

Dwar dan, il-kunsillier Horace Gauci (li ppubblika l-filmat) qal li l-filmati jibqgħu fuq is-sitema għal sebat ijiem biss u wara sebat ijiem, dawn jitħassru biex jiġi rrekordjat filmat ġdid. Żied li hu l-Kunsill biss li għandu aċċess għal dawn il-filmati u sa issa, din kienet l-ewwel darba li kien hemm bżonn li jittieħed filmat mis-sistema.