“Bħala ċittadina Ewropea nesiġi mill-Gvern ħajja normali mingħajr korruzzjoni”.
Kliem Tania Vella, eks Ambaxxattriċi ta’ pajjiżna b’esperjenza ta’ ħidma diplomatika barra minn pajjiżna li kienet waħda mill-kelliema waqt diskussjoni fuq il-Fosos tal-Furjana bit-tema ‘Il-PN: It-Tarka Tiegħek’.
Id-diskussjoni kienet indirizzata mit-tabib Josie Muscat li tkellem dwar il-viżjoni tiegħu ta’ pajjiżna bħala ċentru għal turiżmu mediku.
It-tema tal-involviment taż-żgħażagħ fil-politika kienet fil-qofol tad-diskors ta’ Mark Grech, il-President tal-MŻPN li qal li llum iż-żgħażagħ tilfu ħafna mill-interess fil-politika minħabba li min hemm fil-Gvern illum bena politika mingħajr prinċipji.
Dennis Tanti, infermier u eks Assistent Direttur tar-Residenza San Vincenz de Paule, tkellem dwar id-diskriminazzjoni li qed issir f’din ir-residenza għall-anzjani. Huwa qal li fil-Partit Nazzjonalista jara tama li pajjiżna għad xi darba jerfa’rasu minn din il-kriżi ta’ korruzjoni.
Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech saħqet li l-iskema ċedoli mhijiex donazzjoni u għaldaqstant ma tmurx kontra l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. Hija sostniet li l-Partit Laburista jrid ikollu l-wiċċ li jikkritika din l-iskema wara li kellu skema ta’ ċedoli u wara skandli kbar bħal dak tal-Australia Hall.
Fi tmiem id-diskussjoni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil temm b’appell biex kulħadd jattendi għall-mass meeting li se jsir it-Tlieta fuq il-Fosos – mass meeting li se jġib fi tmiemhom l-attivitajiet li l-Partit Nazzjonalista qed jorganizza biex ifakkar il-kisba tal-Indipendenza u li matulu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista mestenni jelenka l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista ghal politika iktar nadifa u onesta.
//= $special ?>