Lokali

L-OĦSA tappella biex minflok jintbgħatu ritratti lill-media l-pubbliku jinforma lill-Awtorita’

L-uffiċċjali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, ma jistgħux ikunu f’kull post tax-xogħol f’Malta u Għawdex f’kull ħin imma jistennew li f’każ fejn ħaddiema jkunu qed jaħdmu f’periklu għandhom ikunu nfurmati minnufih minflok il-pubbliku jieħu ritratti u jkun lest ipoġġijhom fuq il-media soċjali. L-OHSA ħasset li dwar dan għandha toħroġ stqarrija biex mill-ġdid tinforma lill-pubbliku biex meta jinduna b’xogħol perikoluż għandu jinforma lill-OHSA fuq in-numru 21247677 inkluż is-Sibt, il-Ħadd u fil-festi. Dan isir b’mod anonimu.

Dan il-mod hu wieħed aktar effettiv u f’ċerti każi tista’ tkun salvata anke ħajja ta’ persuna, minflok nieħdu ritratt u npoġġuħ fuq il-media soċjali biex nikkumentaw dwaru.

L-istqarrija tgħid li l-uffiċċjali tal-OHSA ta’ kuljum ikunu jduru postijiet tax-xogħol differenti biex jaraw il-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu l-ħaddiema.

Bejn Jannar u Awissu ta’ din is-sena, l-OHSA għamlet madwar 2,400 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol differenti li fil-maġġoranza tagħhom wasslu biex jinħarġu ordnijiet biex tittieħed azzjoni. Kważi nofs minn dawn l-ispezzjonijiet saru f’siti ta’ kostruzzjoni. L-OHSA ħarġet ukoll 243 ittra ta’ penali amministrattivi. Matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, il-multi li nħarġu ammontaw għal €106,400.