Lokali

Muscat ma jifhimx il-valur tal-gaming għall-ekonomija Maltija – il-PN

“L-iktar Prim Ministru partiġġjan u diviżiv fl-istorja ta’ Malta issa qed jgħid li l-Partit Nazzjonalista m’għandux l-interessi ta’ Malta għal qalbu meta jiddefendi l-interessi tas-settur tal-gaming fil-Parlament Ewropew.”

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija wara konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista dwar l-istess suġġett. Il-Partit Laburista sejjaħ lill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista biex jivvutaw kontra bdil f’konvenzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-betting illegali tal-isports.

Iżda l-Partit Nazzjonalista qal Muscat qed jipprova joħloq il-partiġġjaniżmu f’suġġett li dwaru mhux qed jifhem il-valur tiegħu għall-ekonomija Maltija.

Is-settur tal-gaming kien iddaħħal Malta u kiber taħt Gvern Nazzjonalista u llum jifforma parti sostanzjali mill-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiż, fakkar il-Partit Nazzjonalista, li kompla li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista kienu u se jibqgħu jiddefendu s-settur tal-gaming minkejja interessi u theddid minn ekonomiji ikbar.