Skont il-Gvern, il-pazjenti fil-kurituri tal-Emerġenza saru xi ħaġa tal-passat. Madankollu, ritratti li waslu għand NETnews.com.mt juru li dan mhux il-każ.
Fil-fatt, persuna li dalgħodu kien l-Isptar Mater Dei innota s-sitwazzjoni xejn pjaċevoli li qed ikollhom jgħixu fiha numru ta’ persuni li daħlu l-Isptar għall-kura. Is-sitwazzjoni tant hi kritika li f’ċerti żoni, wieħed bil-kemm jista’ jgħaddi minn bejn l-istretchers li hemm fil-kurituri.
Il-persuna li bagħtet ir-ritratti nnutat kif il-pazjenti qed jinżammu fuq stretchers fejn saqajhom qed jibqgħu mdendla. Dan qed ikompli joħloq diffikultajiet għall-pazjenti, minbarra n-nuqqas ta’ privatezza u dinjità li wieħed ikollu jgħaddi dawn il-mumenti delikati fihom.
Il-persuna li tkellmet magħna qalet li semgħet lil waħda mill-pazjenti tgħid lil qarib tagħha li qed issib diffikultà wkoll biex tmur sat-toilets, hekk kif m’għandhiex il-privatezza li tagħmel dan fil-kumdità ta’ sala.
Din is-sitwazzjoni qed tkompli titfa’ pressjoni fuq il-Gvern, li wiegħed li se jelimina għal kollox din il-problema.
//= $special ?>