Ambjent Lokali

Wara qtil ta’ tliet kuċċardi, BirdLife Malta terġa’ tappella għas-sospensjoni tal-Kaċċa

Il-BirdLife Malta reġgħet appellat lill-Prim Ministru biex jissospendi l-istaġun tal-Kaċċa b’seħħ immedjat wara rapporti kkonfermati li jindikaw li nqatlu tliet kuċċardi.

Skont il-BirdLife, il-kuċċardi kienu ossarvati jinqatlu f’Għawdex fl-aħħar sigħat. L-għasafar niżlu fil-baħar u wieħed minnhom inġabar minn ‘rock climber’ professjonali li għadda l-kuċċarda mejta lill-Pulizija, li min-naħa tagħhom interrogawh għall-fatti kollha.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, BirdLife qalet li dan il-qtil illegali u bla kontroll ta’ tajr protett se jibqa’ għaddej sakemm il-Gvern ma jieħux azzjoni immedjata llum qabel għada. Qalet li għal darb’oħra qed tappella lill-Prim Ministru biex jissospendi l-istaġun sal-15 ta’ Ottubru.

“Il-Liġi tgħid ċar u tond li l-Gvern jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-istaġun tal-Kaċċa f’kundizzjonijiet ta’ ċerta gravità. U s-sitwazzjoni hi aktar minn gravi, bit-tajr protett li nqatel s’issa jammonta għal 19”, qalet il-BirdLife.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li se tħallas kumpens xieraq lil min jagħti informazzjoni li twassal għall-qbid u l-kundanna tal-persuna jew persuni li fil-jiem li għaddew kienu responsabbli għal sparar u qtil ta’ tajr protett.

“Dawn il-ftit atti kriminali, minbarra li qed iqajmu ħafna dubji, qed jagħmlu ħsara irriparabbli lill-kaċċaturi u nassaba ġenwini Maltin u Għawdxin”, temmet tgħid l-FKNK.