Lokali

Aktar minn 2,300 firma favur l-ambjent

Flimkien għal Ambjent Aħjar ippreżentat ittra miftuħa, issejjaħ lill-Prim Ministru biex ma jħallix li l-Ambjent Malti u l-kwalità tal-ħajja ikomplu jiddeterjoraw.

Astrid Vella, qalet li r-rispons għal din l-ittra kien tajjeb ħafna tant li sabet l-appoġġ ta’ ħafna nies minn setturi differenti tas-soċjeta. Fost oħrajn hemm nies mill-qasam tal-liġi, periti, inġiniera, storiċi, tobba, arkeoloġiċi u nies minn setturi oħrajn.

B’kollox inġabru aktar minn 2,300 firma.

Iċ-Chairman tal-fondazzjoni għal Ambjent Aħjar Paul Cardona qal li din il-Fondazzjoni se tkompli taħdem biex tinidirizza l-inġustizzji li qed isiru.

Il-Kontenut tal-ittra jgħid li l-firmatarji tal-ittra ma jistgħux jibqgħu iktar kwieti quddiem d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu u li qed jeqirdu dak kollu li jagħmel din il-gżira speċjali. Fost oħrajn isemmu kif kawża ta’ dawn id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu kienet affettwata l-kwalità ta’ ħajjet il-Maltin. Isemmu l-problema tat-traffiku u wkoll isemmu kif ittieħdu deċiżjonijiet biex jinbnew torrijiet.

Cardona, appella biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jirriflettu l-ħtiġijiet veri tan-nies u għalhekk issir ġustizzja soċjali u wkoll ġustizzja ambjentali. Dan għandu jsir b’rispett lejn il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.