BLOGS

Daqqa oħra għal Malta (Il-ħażin u t-tajjeb tagħha)

Mili ta’ tliet postijiet fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea
Nhar it-Tlieta 13 ta’ Settembru s-Sezzjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew tat il-vot tagħha għal tliet nominazzjonijiet li kienu għadhom kif għaddew mill-grilling li sar mill-Kumitat magħżul mill-istess Kamra, għall-kariga ta’ Awdituri li jpoġġu fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-tlieta kienu ġejjin mill-Portugall, minn Ċipru u minn Malta. Il-mibgħut ta’ Malta minn Joseph Muscat kif nafu, kien Leo Brincat, Membru Parlamentari veteran Laburista u eks-Ministru għal diversi leġiżlaturi Laburisti / Soċjalisti.
Mill-grilling, kif nafu, kienu għaddew it-tliet kontestanti bid-differenza li waqt li dawk tal-Portugall u ta’ Ċipru għaddew b’marki għoljin, kważi full marks, tagħna ta’ Malta għadda ‘bi żbrixx’ kif ngħidu bil-Malti, għadda mkaxkar, ġab 11-il vot favur, 9 kontra u wieħed astjena. Wara sirna nafu li wieħed mill-voti favur kien proprju ġej mill-MEP Laburista Malti, l-Onor. Alfred Sant. Dan kien riżultat verament magħkus li ta stampa ċara ħafna li Malta f’għajnejn l-Ewropej ma tantx tidher li hi waħda sabiħa, għall-kuntrarju, tidher li hi waħda dubjuża u qed iġġib ċertu xettiċiżmu li hu wieħed ferm inkwetanti. Però b’vot wieħed u b’numru ferm akbar, xorta hu meqjus li għadda u b’hekk hu eleġibbli li jkompli għaddej bil-proċeduri stabbiliti.

Il-Vot tal-Parlament Ewropew:
Fil-Parlament Ewropew hemm 751 membru li kellhom id-dritt li jivvutaw. Minn dawn ivvutaw fl-elezzjoni 668 u tefgħu l-vot tagħhom biex japprovaw jew le lil dawn it-tliet nominazzjonijiet. Il-verdett ta’ dan il-vot hu wieħed konsultattiv u mhux wieħed definittiv. Madankollu, il-verdett mogħti politikament jilgħab parti importanti ħafna u li jagħti anke indikazzjoni ta’ kif jistgħu jmorru l-affarijiet u x’ikunu anke l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet oħrajn li għad iridu jittieħdu mill-Kunsill tal-Gvernijiet tal-istess Unjoni Ewropea, liema vot imbagħad ikun jorbot u jħoll kollox.
Kif kien mistenni, kemm ir-rappreżentant tal-Portugall kif ukoll dak ta’ Ċipru ġabu ammont tajjeb ta’ voti, ekwivalenti anke għall-voti li ġabu waqt il-proċess tal-grilling, u allura ġew approvati b’maġġoranza tajba. Meta ġew għar-rappreżentant ta’ Malta r-riżultat kien kompletament differenti. Fil-fatt ir-rappreżentant ta’ Joseph Muscat ġab dawn il-voti: voti favur 229, voti kontra 381, astensjonijiet 58. Dan ifisser li minn total ta’ 668 membru parlamentari li tefgħu l-vot tagħhom, 439 ma approvawx din il-ħatra, waqt li kif diġà għedna 229 biss kienu favur. Dan ifisser ukoll li anke x’uħud mis-Soċjalisti vvutaw kontra Leo Brincat.
Disfatta kbira għal Malta u spjega ferm dettaljata tal-vot imkaxkar li Leo Brincat kien irnexxielu jġib waqt il-grilling li kien sar ftit ġranet qabel minn Kumitat magħżul tal-Kamra tal-Parlament Ewropew. Daqqa ta’ ħarta kbira oħra għal Malta.

Il-ħażin tagħħa:
Il-vot massiċċ negattiv ta’ nhar it-Tlieta kompla poġġa lil pajjiżna b’dell ikrah ħafna. Ma ninsewx li dan hu t-tieni mibgħut tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li ma ġiex aċċettat għall-kariga hekk importanti u prestiġjuża fl-istess ħin, bħala Awditur fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel kellna li Toni Abela, l-eks-Viċi Kap tal-Partit Laburista u issa Leo Brincat. U x’inhi r-raġuni wara r-rifjut ta’ dawn iż-żewġ persuni? L-oġġezzjoni ta’ dawn il-membri hi dik ta’ nuqqas ta’ kredibbiltà, korruzzjoni u ta’ nuqqas ta’ trasparenza.
Kif tista’ l-Unjoni Ewropea taċċetta nies fuq il-Qorti tal-Awdituri, li xogħolhom hu li jassiguraw trasparenza u governanza tajba u nadifa fit-tqassim u fl-implimentazzjoni tal-Baġit tal-Unjoni, meta dawn in-nies mhux talli ma kkundannawx l-użu ta’ ħasil ta’ flus min-nies prominenti tal-gvern li nqabdu b’mod l-aktar apert jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija, imma talli dawn taw l-approvazzjoni tagħhom billi vvutaw favur dan l-istess uffiċjal.
Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li nqabad b’waħda minn dawn il-kumpaniji li bla dubju tagħti lok għall-evażjoni tat-taxxa, li tammonta għall-korruzzjoni. Għalhekk il-qofol ta’ dan kollu hi l-korruzzjoni li qed tifni lil dan il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Dan il-vot ifisser le għall-korruzzjoni. Mhemmx lok għall-korruzzjoni istituzzjonalizzata fl-ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Leo Brincat ftit minuti biss wara l-verdett tal-Parlament qal li hu ser jinjora dan il-vot u jibqa’ għaddej bil-proċess tan-nomina li issa tkun deċiża mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan hu aġir ieħor inaċċettabbli li juri ċertu suppervja, għax għalkemm minkejja d-disfatta tal-vot tal-Parlament, il-Kunsill xorta jista’ japprova l-ħatra tar-rappreżentant ta’ Joseph Muscat, però l-irġulija u s-sens komun jgħidulek li la l-maġġoranza kbira ma aċċettatekx, inti għandek tirrispetta l-opinjoni u l-verdett tagħhom u tagħmel il-wisgħa biex jiġi ppreżentat xi ħadd aktar adattat u aktar accettabbli għal dak il-post.
Ana Gomes, MEP Soċjalista mill-Portugall qalet li; “Jekk il-vot tad-Deputati Ewropej ikun injorat – id-distakk ma kienx ta’ xi vot jew tnejn – dan ikun ifisser inkwiet għaliex, naturalment dan joħloq saħansitra opinjoni aktar kuntrarja għall-Gvern Malti.”

It-tajjeb tagħha
Hemm xi ħaġa tajba f’dan kollu? Xi ħaġa pożittiva li joħroġ minn dan hu, li l-Unjoni Ewropea wriet b’mod ċar li hi tagħti kas ta’ dak li qed jiġri fil-pajjiżi membri. Hi wriet li taf sewwa dak li jkun għaddej f’dawn pajjiżi. Mhux biss, imma tat prova wkoll li meta jasal il-mument li tintervjeni hi ma toqgħodx lura imma tintervjeni u tieħu azzjoni mhux darba biss imma kemm ikun hemm bżonn. Dan rajnieh ukoll fil-kwistjoni tal-bejgħ tal-passaporti u tal-għoti tal-Viżas lill-barranin, anke dawk mediċi.
M’hu veru xejn li dawn jisimgħu jew li jiġu nfluwenzati mill-MEPs Nazzjonalisti. L-ewwel ħaġa, dawk is-748 membru l-oħra ftit li xejn jimpurtahom minn x’jgħid Ċikku u Peppa. Jekk mhux hekk, allura veru li t-tliet membri Nazzjonalisti huma stmati u l-kelma tagħhom verament tiswa u treġi. Mill-banda l-oħra, allura t-tlieta l-oħra Laburisti ma jiswew xejn u ma jisma’ minnhom ħadd? Illum bl-iżvilupp teknoloġiku dak li jsir f’Tinbaktoo jasal fil-kċina tagħna ftit minuti biss wara li jkun seħħ. U jekk xi ħadd ikun irid ifittex xi ħaġa fuq xi ħadd permezz tal-internet, dan jista’ jagħmlu anke f’nofs ta’ lejl u anke permezz tal-mobile li jkun fil-but tiegħu.
X’se jiġri fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li normalment ikun rappreżentat mill-Prim Ministri tal-pajjiżi membri, jien ma nafx. Veru li bosta drabi wieħed jissapportja lill-ieħor fuq ċerti materji, imbagħad l-ieħor ipattihulu fuq materji oħra. Però li tinjora daqstant voti mhux faċli. Min jirrispetta lil Malta għandu jibgħat il-messaġġ li Malta hi pajjiż demokratiku, pajjiż nadif, pajjiż żviluppat u m’hemmx lok la għall-korruzzjoni u l-anqas għal rappreżentanti tal-poplu li huma korrotti.

Mass Meeting
Min irid jisma’ l-aħħar żviluppi u jingħata aktar informazzjoni dwar x’qed jiġri f’pajjiżna llum, min irid jagħti sapport lil min hu nadif, ġenwin u kredibbli, min irid juri d-diżapprovazzjoni tiegħu lejn min qed iħammeġ isem pajjiżna, kull ma għandu jagħmel hu li llejla jkun preżenti fuq il-Fosos tal-Furjana biex jisma’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, jindirizza lill-folla kbira li m’għandix dubju li ser tattendi bi ħġarha fl-okkażjoni tat-52 sena ta’ Malta Indipendenti.
Il-Festa t-Tajba lill-Maltin kollha! Narakom hemm.