BLOGS

Indipendenza mill-ħakma tal-korruzzjoni

L-għajta tal-Partit Nazzjonalista Nirnexxu Lkoll Flimkien mhix xi slogan vojt, jew immirat biex jinstema’ sabiħ u jinganna, bħalma kienet l-għajta ta’ Tagħna Lkoll, li llum saret frażi tad-daħq kieku ma nafux li fil-fatt hi tal-biki.
Simon Busuttil, bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista wera li hu għandu, u lest li jagħti, il-fiduċja ta’ u f’ħaddieħor. Hu b’hekk li fi żmien tant qasir irnexxilu jirbaħ il-fiduċja mhux biss fi ħdan il-partit, imma f’kuntest aktar wiesgħa fil-pajjiż. Dan qed jidher speċjalment ma’ dawk li fdaw lil Joseph Muscat fl-elezzjoni li għaddiet, u li qegħdin kuljum jindunaw aktar u aktar kemm hu biegħ politika ta’ ngann u wegħdiet fiergħa li kienu mmirati sempliċiment biex jirnexxi hu u jirnexxu dawk ta’ madwaru biss.
Illum dawn in-nies qegħdin bil-kalma kollha jqisu u jwieżnu d-differenza kbira li teżisti bejn il-kapijiet taż-żewġ partiti u qed jaraw li l-unika soluzzjoni għal kriżi ta’ tmexxija li jinsab fiha l-pajjiż, hi l-politika friska u onesta ta’ Simon Busuttil. Meta Kap igawdi l-fiduċja, u jagħti lura din il-fiduċja, u jkun hemm din ir-reċiproċità, tinħoloq sinerġija li minnha jgawdi l-poplu kollu, u verament inkunu nistgħu nirnexxu lkoll flimkien – bħala individwi, bħala familji, bħala partit, u fuq kollox, bħala pajjiż.
Il-ħtieġa li nibdlu d-direzzjoni u nimxu fit-triq li qiegħed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista llum tinħass minn kulħadd. Meta l-Partit ta’ Joseph Muscat beda jaħseb biss għal tal-qalba, (naraw kuljum kemm qed iseħħu skandli li jfissru inġustizzji kbar mal-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti), dan fisser li nħolqu ċittadini ta’ żewġ livelli – dawk tal-ewwel klassi, u dawk tat-tieni klassi.
L-istess ġara bil-qasma li għamel Joseph Muscat fil-politika ambjentali, meta fired l-ambjent u l-ippjanar minn ma’ xulxien. L-ambjent ġie relegat, downgraded fl-importanza u b’hekk ġie tat-tieni klassi. Bilfors, għax l-ambjent hu ta’ kulħadd, u mhux tal-ftit. Ara l-ippjanar, dak le! Dak ħa postu bħala li jixraqlu l-ewwel klassi. Meta toqgħod taħseb ftit, mill-ewwel tara għalfejn għamlu hekk.
Il-qasam tal-ippjanar hu dak li minnu jinħarġu l-permessi għall-bini. U dak mhux interess ta kulħadd, iżda hu interess l-aktar ta’ dawk li taħt dan il-gvern saru ċ-ċittadini tal-ewwel klassi. Mela l-ippjanar sar important aktar mill-ambjent, għax jinteressa bil-kbir lil ftit ċittadini ta’ din l-ewwel klassi ġdida li nħolqot, dawk li aħna nsejħulhom il-kbar f’termini ta’ negozju.
Ara l-ambjent sar sekondarju ħdejn il-kostruzzjoni, għax l-ambjent hu, jew almenu suppost li hu ta’ kulħadd. Suppost li l-ambjent hu, biex nuża kliem Joseph Muscat, tagħna lkoll, u mhux qed jiġi mħassar u mibni bl-addoċċ, jinsteraq mingħandna u mingħand ġenerazzjonijiet futuri – uliedna – biex igawdu biss il-ftit.
Insemmi każ riċenti fil-loklaità tiegħi, Marsaskala, fejn minħabba l-kostruzzjoni li se ssir f’Żonqor, u l-għoti tal-pixxina li hemm lill-barranin li ngħataw dik l-art, kull min għandu biċċa qoxra marbuta fil-bajja, jaf li x’iktarx se jkollu jneħħiha minn hemm biex jagħmel il-wisa’ għall-interessi tal-kuntratturi l-kbar. Imbagħad għandhom il-wiċċ li jsejħu dan it-tip ta’ bini, ta’ sfreġju ambjentali – bħala żvilupp, biex jinstema’ sabiħ.

Għalhekk hu importanti li nifhmu li l-argument dwar il-qasma bejn l-ambjent u l-ippjanar fi ħdan l-Awtorità ma kenitx biss kwistjoni akkademika, imma kwistjoni li tinteressa lill-poplu kollu, għax kienet fattur ieħor li għen biex jaqsam lill-poplu Malti f’żewg klassijiet – dawk tal-ewwel klassi li jaħtfu l-ħafna, u dawk tat-tieni klassi li qed jittieħdilhom anke l-ftit li kellhom.
L-indipendenza kienet tfisser li, 52 sena ilu, bħala poplu ħadna rajna f’idejna. Kien pass fundamentali għall-iżvilupp tal-ambjent politiku u demokratiku ta’ pajjiżna. Però l-indipendenza llum sar għandha sinifikat qawwi aktar milli qatt qabel. Dak li rbaħna bħala poplu dak inhar, illum qed jiġi mnawwar u mhedded. Hi ħaġa tajba li, kif ġara dejjem taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, nħajru investiment barrani f’pajjiżna.
Ma nistgħux ma nfakkrux fil-boom tas-snin ta’ wara l-indipendenza, u l-isplużjoni ekonomika li rajna f’Malta wara l-1987. Imma jrid ikun investiment għaqli. Li tbigħ il-kontroll fuq ċerti servizzi essenzjali u strateġiċi tal-pajjiż lill-barrani żgur mhux għaqal.
Ma tistax ma tinkwetax meta tara li llum il-kontroll fuq il-provista tal-enerġija ma għadux f’idejn il-Maltin. U l-indipendenza tista’ tinsteraq mhux biss mill-barrani, imma anke minn dawk li qegħdin fostna, u li fl-interess tal-klikka, qegħdin iħaddnu politika ta’ ħakkiem, li jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd, bl-għajnuna ta’ vuċijiet mixtrija li qed iservu tal-pappagall tal-magna propagandistika tal-Gvern ta Joseph Muscat.

Hu tnaqqir tal-Indipendenza tagħna bħala ċittadini meta min irid, ikun min ikun, u għamel x’għamel biex għaqqad il-miljuni, jista’ jiġi hawn, jikri erbat ikmamar x’imkien, iħallas balla liri u jsir ċittadin Malti.
Hu għalhekk li llum iktar minn qatt qabel, hu l-mument li l-poplu Malti u Għawdxi jrid jiġi bi ħġaru fuq il-Fosos tal-Furjana, post fejn rajna l-poplu jesprimi ruħu b’tant forza fil-passat, biex jerġa’ jirrispondi għas-sejħa li qed issirlu u jwassal il-messaġġ li qiegħed wara l-Partit Nazzjonalista u wara Simon Busuttil, għax irid li jerġa’ jikseb l-Indipendenza.
Irbaħna l-Indipendenza mill-Imperu Ingliż. Illum hemm bżonn li nirbhu l-Indipendenza mill-ġdid, din id-darba mhux mill-kolonjaliżmu iżda mill-korruzzjoni. U hu Simon Busuttil bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li jista’ jrebbaħna mill-ġdid pajjiż nadif u indipendenti mill-ħmieġ li qed jaħkem kull kuritur korrott tal-poter li nħoloq taħt it-tmexxija tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Charlot Cassar hu Kunsillier f’Marsaskala u kandidat tal-Partit Nazzjonalista għat-Tielet Distrett.