BLOGS

Iż-żrigħ tar-riħ. Il-ħsad tar-riefnu

Qatt daqs illum ma sibna jew iltqajna ma’ nies fid-djar tagħhom irrabjati għall-Gvern, speċjalment ghall-Prim Ministru u tnejn ta’ madwaru, li minħabba u għall-egoiżmu tagħhom qed ibatu n-nies bla ħtija ta’ xejn tagħhom.
Forsi għax jien ġej min-naħa ta’ Malta li fiha l-Partit fil-Gvern preżenti għandu saħħa ikbar minn bnadi oħra u allura l-persentaġġ ta’ Laburisti hu ferm ikbar min-naħat oħra, iżda kemm ili fil-politika ma niftakarx sentiment ta’ daqstant rabja minn Laburisti (li jgħidulek li kienu ta’ ġewwa nett sa ftit ilu) għall-Partit Laburista u għall-Kap tiegħu.

Bdil ta’ opinjoni

Kemm qed immorru għand familji li tradizzjonalment dejjem ivvutaw lill-Partit Laburista u li issa ma jridux jafu bih iktar. Waħda mara minn Sta Luċija l-ġimgħa l-oħra spjegatli kif fi żmien li l-PL kien il-Macina kienet tkun hemm kważi kuljum tgħin u tmidd idejha sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Kienet tqis ruħha Laburista minn ġuf ommha sa sentejn ilu meta l-Partit “tagħha” beda jitlef ruħu, skontha, għall-flus tas-sinjur u jagħti bis-sieq lil min hu batut jew dgħajjef. Urietni d-dokument tal-vot tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew 2014 u tal-Kunsill Lokali 2015, mgħaffġin, għax fi kliemha “marret tgħaffiġhom Kastilja” għax ma felħitx aktar.
Il-Gvern “tagħha” fl-2014 kien għollielha l-ħlas ghall-eżamijiet tal-“O” levels taż-żewġt itfal tagħha. Il-Gvern “tagħha” fl-2013 kien għollielha bid-doppju l-kera tal-flat tal-Gvern li hi ilha tikri snin kbar. Il-Gvern “tagħha” kien qed iġiegħlha tixtri minn butha €52 fil-ġimgħa mediċina għall-kanċer tas-sider li hi tbati minnu, flok jagħti din il-mediċina b’xejn u minflok uħud minn “tiegħu” jaħbu flus il-korruzzjoni fil-Panama. Żewġha u hi sena ilu kellhom ibiegħu l-karozza żgħira li kellhom għax ma setgħux ilaħħqu mal-ħajja iktar.

Weġġgħu ħafna nies

Din tal-Panama u kif sħab il-Prim Ministru riedu jaħslu flus il-korruzzjoni f’kontijiet sigrieti weġġgħat tant u tant nies, u l-iktar lill-Laburisti ġenwini li ma jgħixux komdi, li jaqilgħu u jikluha u li huma nies li jagħmlu elf sagrifiċċju biex jgħixu bil-għaqal u bir-rażan. Dawn jgħidulek li “dan m’għadux il-Partit li konna nafu”.
Però tal-Panama u l-iskandlu ta’ ħasil ta’ flus ġej mill-korruzzjoni u evażjoni ta’ taxxa, weġġgħet lil Malta lil hinn minn xtutna wkoll, b’effett fuqna lkoll. Kif rajna din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew.
Dak li għall-Prim Ministru Malti m’hu xejn rajna kemm hu serju u gravi u inaċċettabbli f’għajnejn il-barranin li ma jaħmlux dan l-aġir. Bata Leo Brincat minħabba n-nuqqas ta’ Muscat. Leo Brincat hu raġel serju, onest, kapaċi, sobriju u raġonevoli immens. Meqjus fi kliemu u f’għemilu. Għandu l-esperjenza tal-morr u l-ħelu tal-politika Maltija.

Dispjaċiri
Għandi memorji sbieħ wisq ta’ meta ħdimna flimkien fil-passat. Iddispjaċini ħafna bil-vot kontrih fi Strasbourg li kien vot mifrux fost il-partiti kollha fil-Parlament Ewropew, inkluż Soċjalisti. Iżda ddispjaċini aktar għall-isem Malta li kompla jieħu daqqa’l isfel minħabba l-iskandlu tal-Panama u l-involviment ta’ sħab il-Prim Ministru fih.
Meta l-Prim Ministru mingħalih għadda ż-żmien bin-nies f’Malta fuq audits li kellhom isiru u ma sarux u meta pprova jnessi l-ikbar skandlu politiku ta’ korruzzjoni fl-aħħar 40 sena fil-politika Maltija. kien żera’ r-riħ. Illum qed naraw r-riefnu li l-Maltin kollha qed jaħsdu.