Andrew Cuomo, il-Gvernatur ta’ New York, qal li kien ta’ importanza kbira li jkun magħruf jekk Ahmad Khan Rahami kellux kompliċi fl-attakki li wettaq fi New York.
Rahami kien arrestat it-Tnejn wara sparatura mal-Pulizija meta kien imfittex b’rabta mal-attakki bil-bombi li saru f’Manhattan u New York fi tmiem il-ġimgħa.
Irriżulta li martu telqet mill-Istati Uniti fil-ġranet ta’ qabel l-attakk u bdiet vjaġġ biex tirritorna fil-Pakistan. Skont l-aħħar rapporti hi kienet arrestata fl-Emirati Għarab Magħquda u issa qed tkun interrogata biex ikun magħruf jekk kinitx taf b’dak li kien se jagħmel żewġha.
Rahami, li hu ta’ nisel Afgan, qatt ma kien fuq il-lista ta’ nies taħt għassa tal-forzi tas-sigurtà Amerikani u issa dawn qed jippruvaw jistabbilixxu jekk qattx kellu kuntatt mal-ISIS jew mal-al-Qaeda.
Sadattant fi żvilupp ieħor, fi Franza saru tmien arresti b’rabta mal-attakk li kien hemm f’Nizza f’Jum Bastilja u li kien ħalla 86 persuna mejta. Dan minħabba r-rabtiet li kellhom ma’Mohamed Lahouaiej Bouhlel, li kien saq trakk lejn folla nies f’Nizza. Dawk arrestati kienu deskritti bħala rġiel ta’ nazzjonalità Franċiża jew Tuneżina u li b’xi mod jew ieħor appoġġjaw lil Bouhel.
Jinvestigaw il-passat ta’Rahami
