Is-soluzzjonijiet tagħna għall-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż huma li nerġgħu nibnu fiduċja fil-pajjiż u fl-awtoritajiet u istituzzjonijiet tiegħu.”
Dan enfasizzah Mario de Marco, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, meta lbieraħ indirizza l-folla numeruża li attendiet għall-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista lejlet it-52 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.
“Is-soluzzjonijiet tagħna se jkunu bbażati fuq id-dritt tas-sewwa u l-ġustizzja soċjali, fejn kulħadd jieħu dak li huwa tiegħu bid-dritt u mhux aktar bi pjaċir; soluzzjonijiet li juru li l-unika għażla politika għall-pajjiżna hija l-onestà u li m’għandniex ikollna Gvern li jaqdi lil ta’ ġewwa imma Gvern li jservi lil kulħadd,” qal Mario de Marco.
“Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil huwa partit tal-poplu Malti kollu li lest iservi lil kulħadd bla distinzjoni, bla kuluri, bla intimidazzjoni u mingħajr interess ħlief l-interess nazzjonali. Ejjew naħdmu sabiex Malta u l-Maltin ikunu tassew indipendenti u mhux maħkuma mill-interessi tal-ftit”.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ mexxejja tal-passat; fuq quddiem nett lil Ġorġ Borg Olivier li għamel il-kisba tal-Indipendenza l-missjoni ta’ ħajtu, u l-mexxejja li ġew wara u li ħadmu u qed jaħdmu biex Malta tagħmel suċċess mill-Indipendenza – Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u llum Simon Busuttil.
“Li niksbu l-Indipendenza, li nsiru Repubblika u li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea ma kinux fini fihom infushom iżda kienu pass lejn mira finali: dik li nirnexxu lkoll flimkien, ilkoll bħala Maltin u Għawdxin”.
Mario de Marco kompla li madanakollu, bħala pajjiż għamilna żbalji wkoll tul is-snin fejn kien hemm min tilef is-sens ta’ xi tfisser taħdem għall-ġid komuni, meta l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-istat ma ħadmux kif suppost u li sfortunatament, qed jirrepetu ruħhom affarijiet li jtappnu mill-Indipendenza vera ta’ pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, Mario de Marco għamel numru ta’ mistoqsijiet:
“X’Indipendenza vera qed ngħixu meta ministri ta’ pajjiżna, rappreżentanti tal-poplu ma jħossuhomx komdi jivvotaw kontra ministru li ħammeġ isem pajjiżna? Li ma jħossuhomx komdi jagħmlu dak li hu ġust fl-interess ta’ pajjiżna għaliex hekk ordnalhom il-Prim Ministru?”
“X’Indipendenza vera qed ngħixu meta l-interess personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat jipprevali fuq l-interess nazzjonali?”
“X’Indipendenza vera qed ngħixu jekk min qed imexxi l-Korp tal-Pulizija ta’ pajjiżna, qiegħed jagħlaq għajnejh għal każijiet ċari ta’ abbuż ta’ poter?”
“X’Indipendenza vera qed ngħixu jekk l-awtoritajiet u istituzzjonijiet ta’ pajjiżna qegħdin jaħdmu fl-interess tal-kbar jew fl-interessi tal-ftit u mhux fl-interess komuni u dak nazzjonali?”
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-iskandlu tal-Panama kien wieħed li wera kif is-sistema politika u s-sistema ta’ governanza tajba ta’ pajjiżna fallew.
“F’dan il-każ, l-interess ta’ tlieta min-nies rebaħ fuq l-interess nazzjonali”, temm Mario de Marco, waqt li semma iktar każi fejn l-interess tal-ftit rebaħ fuq il-ħafna bħall-Australia Hall, il-proprjetà fi Triq Zekka u l-każ Cafè Premier.
//= $special ?>