BLOGS

Nifdu mill-ġdid lil pajjiżna

Għada niċċelebrw l-akbar ġurnata fl-istorja ta’ pajjiżna. Jum l-Indipendenza. Il-jum li għamilna nazzjon u li permezz tiegħu sibna postna mal-bqija tal-popli tad-dinja u ħadna r-riedni u t-tfassil tad-destin ta’ pajjiżna f’idejna. 52 sena nazzjon.
Il-kisba tal-Indipendenza, għalkemm saret bla ċarċir ta’ demm – kif sfortunatament seħħ f’diversi pajjiżi oħra – ma kinitx ħaġa faċli. Il-mexxejja tagħna mmexxija minn Ġorg Borg Olivier kellhom jitħabtu kemm jifilħu biex ksibniha. U għal numru ta’ snin kellna nitħabtu ħafna biex żammejniha. Kien hemm snin fejn uħud minnha saħansitra ċarċru demmhom biex stajna niċċelebraw kif jixraq dan il-jum għażiż. U ċarċru demmhom mhux minn idejn il-barranin imma minn idejn ħutna Maltin stess.
Dawk iż-żminijiet, meta l-vjolenza fiżika kienet fuq l-ordnijiet tal-ġurnata, għaddew. U matul dawn it-52 sena pajjiżna għadda minn żvilupp kostituzzjonali wara l-ieħor. Ħlisna minn preżenza militari barranija fostna. Sirna Republika. U saħansitra pajjiżna sar membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan l-anniversarju jagħtina skop biex nagħmlu eżami biex naraw fiex jinsab pajjiżna llum, wara 25 sena indipendenti.

Stat żgħir bi drittijiet
bħal pajjiżi kbar

L-Indipendenza għamlitna stat Sovran. Stat żgħir imma bl-istess drittijiet daqs pajjiżi kbar. Sibna postna fost l-Istati Uniti, mal-pajjiżi tal-Commonwealth u finalment fl-Unjoni Ewropea. Pajjiż rispettat minn kulħadd li ta kontribut fil-fora internazzjonali ferm akbar mill-kobor fiżiku tiegħu.
U llum? Pajjiżna llum hu mżeblaħ. Isem Malta mitfuħ fit-tajn għal darba, tnejn, tlieta minn Gvern li għalih l-interess u l-isem ta’ Malta ma għadhomx jiġu l-ewwel u qabel kollox. Posthom ħaduh il-flus, il-korruzzjoni, il-bażużli.
Dan hu Gvern li bigh ir-ruħ ta’ pajjiżna. Dak li tatna l-Indipendenza – ċittadinanza unika Maltija – il-Gvern preżenti għamlilha prezz u qed ibigħha lil persuni li ma jixirqilhom ikunu ċittadini ta’ din l-art ħelwa. Għandna Gvern li wieħed mill-Ministri tiegħu u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru tiegħu, inqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama u li ppruvaw jiftħu kontijiet bankarji f’pajjiżi barranin u taw isem ħażin lil pajjiżna, madwar id-dinja kollha.

Rispett mitluf
Għandna Gvern li tellifna r-rispett li konna ngawdu. Tant li għal darba, darbtejn, tlieta, persuni nominati minnu kienu miċħuda minn karigi importanti fl-Unjoni Ewropea.
Flok Arvid Pardo u Elizabeth Mann Borghese li maħtura min Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu ġieħ lil pajjiżna madwar id-dinja kollha bi proposti u inizjattivi li ssarfu f’wirt tal-umanità, għandna lil Konrad Mizzi, Keith Schembri, li flok poġġew lil pajjiżna fost l-aqwa fid-dinja jew fl-Ewropa, poġġew lil Malta mal-lista tal-pajjiżi mkasbra minn kulħadd.

Storja
L-Indipendenza ta’ pajjiżna rridu nkomplu ngħożżuha u niġġieldu għaliha kuljum. Dak li tatna l-indipendenza nistgħu nitilfuh jekk ma nibżgħux għalih. U l-istorja urietna u għadha turina anke llum li min ħadem kontra l-indipendenza u min ma jiddejjaqx ibigħ dak li ksibna bl-indipendenza, ma nistgħux inkomplu nafdawh bit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Il-festi tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista din is-sena għandhom iservu ta’ xprun biex il-poplu Malti jkollu tmexxija li verament tapprezza u tkattar il-kisbiet li għamel pajjiżna bl-indipendenza u dan ma jistax ikun ħlief dak il-partit li ħadem għal kisba tal-Indipendenza. Il-Partit Nazzjonalista. Li jista’ jerġa jifdi mill-ġdid lil pajjiżna.