Raġel miż-Żurrieq spiċċa ferut gravi wara ħabta head-on fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa, fis-6am.
Il-Pulizija mid-Distrett marru mmedjatament fil-post fejn minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Opel Tigra misjuqa minn ġuvni ta’ 21 sena residenti Birzebbuġa u mutur tat-tip Honda misjuq minn raġel ta’ 47 sena residenti ż-Żurrieq.
Il-vettura u l-mutur kienu qegħdin jinstaqu f’direzzjoni opposta.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lill-vittma li ftit wara ttieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Galea Sciberras li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Birżebbuġa dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>