Lokali

Wasal iż-żmien li jitwarrab l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna – il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami

“Mill-lum se nibdew il-mixja sabiex flimkien magħkom, flimkien ma’ Simon Busuttil, inġeddu d-determinazzjoni tagħna li iva, wasal iż-żmien li jitwarrab l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna”.

Dan iddikjarah Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, metailbieraħ indirizza l-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista Fuq il-Fosos tal-Furjana li fakkar it-52 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

Fid-diskors tiegħu Beppe Fenech Adami tkellem dwar it-tema ta’ din is-sena “Nirnexxu lkoll flimkien”, li hi l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li nirnexxu lkoll kemm aħna u lkoll flimkien. Dan hu bil-kontra ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna bħalissa “fejn qed jirnexxu l-ftit tal-qalba, il-ftit ta’ Joseph Muscat illi ħatfu u kkorrompew il-pajjiż.”

He elenka l-ftit li rnexxew fosthom:
• tal-Caf è Premier bi gvern li jagħtihom il-miljuni ta’ xejn;
• ir-Russi anonimi li nbiegħulhom iċ-ċittadinanza Maltija u saħansitra nagħtuhom il-vot;
• iċ-Ċiniżi miljunarji li nbiegħulhom l-assi tal-pajjiż;
• in-negozjanti tal-Ġordan li nagħtuhom art taż-Żonqor bix-xejn;
• ta’ Strada Zekka li Muscat tahom il-miljuni;
• Cyrus Engerer li ngħata paga ta’ €80,000 fis-sena;
• il-kuġin ta’ Joseph Muscat bil-ħruġ ta’ visas lill-Alġerini;
• ta’ Kastilja bil-ħruġ tal-visas mediċi;
• il-mara ta’ ministru bil-paga ta’ €13,000 fix-xahar;
• Joseph Muscat li jikri l-karozza tiegħu stess lilu nnifsu; u
• Konrad Mizzi u Keith Schembri bil-kumpaniji u kontijiet moħbija fil-Panama.

B’differenza ta’ dan, kompla Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista huwa verament il-partit tal-poplu kollu, bħaż-żagħżagħ li jemmnu f’politika onesta u nadifa; l-anzjani li jħarsu lejna biex il-kwalità tal-ħajja tagħhom titjieb, tan-negozjanti u s-self-employed li jridu gvern nadif li jgħinu flok ifixklu, tal-mara li taħdem li trid Gvern li jkompli jirrikonoxxi l-kontribut tagħha, tal-middle class li huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiż u tal-emarġinat u li għandu bżonn min jaqbeż għalih fis-soċjetà.

Il-Viċi Kap tal- Partit Nazzjonalista qal li x-xhur li ġejjin huma xhur ta’ ħidma kontinwa biex nikkonvinċu li pajjiżna jixraqlu aħjar.

“Filwaqt li ħaddieħor qal li se jiġġildilna bis-sejf u l-mannara u b’għajn għal għajn u sinna għal sinna, aħna se niġġieldu bl-aqwa arma; l-arma tal-onestà u l-arma tal-verità. Bl-aqwa arma tagħna tkun Simon Busuttil”, sostna Beppe Fenech Adami.

“Irridu nwasslu l-messaġġ li pajjiżna jixraqlu Prim Ministru li mhuwiex kompliċi, mhuwiex parti minn klikka korrotta, li dan il-pajjiż jixraqlu l-ogħla standards, li jixraqlu l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern bi Prim Ministru Simon Busuttil fejn verament nirnexxu, nirnexxu lkoll u nirnexxu lkoll flimkien”, temm Beppe Fenech Adami.