Lokali

FILMAT: Jiġbdu ajruplan tal-merkanzija b’piż ta’ 68 tunnellata fi 30 sekonda!

Għat-tielet sena fil-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi saret il-‘Plane Pull’ b’risq Puttinu Cares, inizjattiva bejn il-kumpanija tat-trasport bl-ajru DHL, kif ukoll Phoenix Sports Club.

Matul il-ġurnata diversi kumpanija għażlu li jgħaqqdu skwadra ta’ ħaddiema bl-isfida li jippruvaw imexxu ajruplan tad-DHL, u jekk jirnexxielhom, jagħmlu dan fl-inqas ħin possibbli.

Din is-sena, kienu l-ħaddiema tal-kumpanija Elbros li rnexxielhom jiġbdu l-ajruplan fl-inqas ħin possibbli, f’31 sekonda u 31 millisekonda. Għat-tielet sena konsekuttiva anke l-ħaddiema tal-kumpanija DHL irnexxielhom iċaqalqu l-ajruplan.

Matul il-ġurnata kien hemm ukoll sfida personali, dik ta’ Tony Farrugia li sfortunatament ma rnexxilux iċaqlaq dan l-ajruplan li minnu nnifsu jiżen 60 tunellata u kien mgħobbi wkoll bi 8 tunellati ohra ta’ fuel.

Id-‘DHL Plane Pull for Puttinu Cares’ illum il-ġurnata saret punt fiss fil-kalendarju tal-attivitajiet karitattivi f’pajjiżna u l-intenzjoni hi li tibqa’ għaddejja anke matul is-snin li ġejjin.