Ambjent Lokali

Ilmenti dwar blokka bini li qed tgħatti veduti mill-isbaħ f’Ħad-Dingli

L-iskola sekondarja ġdida li qed tinbena fil-limiti tar-Rabat, fiż-żona magħrufa bħala Tas-Swatar, ftit li xejn intlaqgħet tajjeb mir-residenti tal-madwar.

Dan hekk kif din l-iskola, li ħadet post ċentru tal-kompjuters li kien abbandunat, hi ferma ikbar mill-istruttura preċedenti u fuq kollox tixgħel bil-kuluri.

Dan qed iħalli impatt viżwali kbir b’mod speċjali għad-Dinglin, li f’daqqa waħda spiċċaw b’veduta ta’ blokka konkrit minflok il-wied mimli għelieqi li qabel kienu jgawdu.

L-iskola sekondarja se jkollha 28 klassi u għandha tilqa’ bejn 500 u 600 student. Minkejja dan mhix se titlesta sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss, u minflok għandha tiġi inawgurata iktar ‘il quddiem … bil-mira tkun tmiem is-sena.

Fil-fatt fil-post għadu għaddej xogħol kemm fuq il-binja, inkluż xogħol ta’ żebgħa, kif ukoll fil-madwar fejn ġiet reklamata parti minn għalqa li tagħmel ma’ residenza qrib din l-iskola ġdida.

Dan għaliex it-triq li kien hemm qabel ma kinitx tiflaħ għall-influss ġdid ta’ karozzi, inkluż dawk kbar bħalma huma l-kowċis li issa jridu jgħaddu mit-triq li tgħaqqad lil Ħad-Dingli u r-Rabat biex iduru lejn l-iskola.