Internazzjonali

Kumpens fl-Iżvezja għal minn jirranġa l-affarijiet minflok jixtri l-ġdid

Shoemaker workshop. Capri, Italy.

Il-Gvern Żvediż irid jibda joffri kumpens permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa lil dawk li jiddeċiedu li jirranġaw l-affarijiet minflok imorru jixtru xi ħaġa ġdida.
Dan bl-iskop li wieħed ikun jaqbillu jirranġa l-prodotti li jkunu tkissru. Il-Gvern se jressaq proposta biex ir-rata tal-VAT fuq tiswijiet fuq roti, ħwejjeġ u żraben tinżel minn 25% għal 12%.
Se titressaq proposta wkoll biex in-nies jingħataw tnaqqis mit-taxxa tad-dħul (income tax) sa nofs l-ispiża ta’ tiswijiet fuq appliances bħal fridges, washing machines u cookers.
Per Bolund, il-Ministru għas-Suq Finanzjarju qal li l-iskop hu li titnaqqas l-ispiża kif ukoll biex jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja waqt il-produzzjoni tal-prodott, ikun fejn ikun fid-dinja. Dan apparti li jagħti spinta lis-settur tat-tiswijiet fil-pajjiż kif ukoll li jinħoloq ix-xogħol peress li jinfetħu setturi ġodda għal dawk li huma nieqsa minn edukazzjoni formali.
Bolund żied li fl-Iżvezja issa bdiet trabbi għeruq il-mentalità li hemm bżonn li l-prodotti jservu aktar kemm minħabba raġunijiet ekonomiċi imma anki biex jintużaw anqas riżorsi.
Il-proposti se jkunu preżentati fil-Parlament bħala parti mill-proposti tal-baġit li dwaru jkun hemm vot f’Diċembru u jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla.