L-eks-President tal-Brażil, Luiz Inacio Lula da Silva, se jitressaq il-qorti akkużat b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus b’rabta ma’ skandlu li jinvolvi l-Petrobras, il-kumpanija nazzjonali taż-żejt.
Dan wara li investigaturi qalu li hu aċċetta madwar miljun ewro f’tixħim.
Apparti Lula, hemm implikati anki martu Marisa Leticia kif ukoll sitt persuni oħra. Lula kien akkużat li kien il-moħħ tal-iskema li swiet lil Petrobras madwar żewġ biljun ewro.
Diversi politiċi mill-Partit tal-Ħaddiema u uffiċjali tal-Petrobras spiċċaw il-ħabs jew għaddejjin proċess il-qorti bħala riżultat ta’ dan l-iskandlu u l-investigazzjoni li ilha sejra sentejn.
Ħafna mill-flejjes li nkisbu illegalment intużaw biex jiffinanzjaw il-kampanja elettorali ta’ diversi politiċi ewlenin fil-maġġoranza fil-Partit tal-Ħaddiema.
Lula, li serva bħala President bejn l-2003 u l-2011 u dik li għażel bħala suċċessur tiegħu, Dilma Rousseff, ix-xahar li għadda tneħħiet mill-kariga.
L-eks President Lula se jitressaq il-qorti
