Qegħdin niċċelebraw it-52 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza u minkejja li lkoll għandha ħjiel ta’ xi tfisser illum il-ġurnata li nkunu Indipendenti, ftit jagħtu kas li Ġorġ Borg Olivier u l-bidu tal-Partit Nazzjonalista kien litteralment iddedikat, għal għexieren ta’ snin sabiex tinkiseb l-Indipendenza mill-Ingilterra, kisba li possibbilment hija bil-wisq aktar importanti minn kull kisba oħra li għamel pajjiżna.
It-Triq għal Indipendenza:
It-triq għall-Indipendenza kienet waħda twila, u minkejja li formalment Ġorġ Borg Olivier għamel it-talba uffiċjali nhar l-20 ta’ Awwissu tal-1962, l-ewwel tentattivi jmorru lura 30 sena, meta fl-1932 il-Partit Nazzjonalista, wara rebħa konvinċenti ta’ 60%, talab għad-Dominion Status, assigurazzjoni mill-ħakkiema tagħna sabiex Malta jkollha aktar awtonomija. Madankollu, dan u s-‘Self Government’ mogħti lill-Maltin fl-1947 ma kienu jfissru xejn għaliex gvernijiet konsekuttivi kellhom diffikultajiet diversi fir-rigward tal-awtonomija u t-tmexxija.
L-Indipendenza ma kinitx biss tfisser li l-Maltin ikunu rajhom f’idejhom, jikkmandaw u jinnegozjaw huma f’isimhom, imma kienet tfisser id-dipendenza politika, kostituzzjonali u ekonomika tal-pajjiż. Wara li Duminku Mintoff irriżenja fl-1958, u wara assenza governattiva ta’ 4 snin – Borg Olivier ma riedx jilqa’ l-istedina li jgħaqqad Gvern għal raġunijiet li mbagħad kienu kruċjali fil-kisba tal-Indipendenza – beda jidher biċ-ċar li l-Ingliżi ma kinux lesti li jsostnu lil Malta finanzjarjament aktar, tant li s-somma li ġiet offruta lil Mintoff fl-1958 kienet bil-wisq akbar minn dik li ingħatat lil Borg Olivier fl-1962 meta rebaħ il-Gvern b’mandat b’saħħtu u b’manifest li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Indipendenza għal Malta. Għalhekk, it-triq kienet waħda: l-Indipendenza.
Il-Partit Nazzjonalista kien minn dejjem konsistenti f’dak li ried jikseb, tant li sa mill-1950, f’kull programm elettorali, il-Partit Nazzjonalista kien jitkellem dwar l-Indipendenza sakemm imbagħad ingħata l-mandat tal-1962 li kien il-bidu ta’ proċess li sab ħafna xkiel tul ix-xhur ta’ negozjati, bħalma kien hemm tfixkil tul is-snin ta’ qabel.
Ir-rieda kontra l-Indipendenza:
Matul is-snin li wasslu għar-rebħa ta’ Borg Olivier fl-1962 kien hemm diversi kwestjonijiet li kienu qed jheddu kontinwament il-progress ta’ Malta fi triqitha għall-Indipendenza. Malta, minkejja l-popolazzjoni żgħira tagħha (dak iż-żmien kienet taqbeż it-300,000), saħansitra rnexxielha tinnegozja b’għaqal liema bħalu, li pajjiżi li jgħoddu l-miljuni bħall-Indja li ħadet l-Indipendenza fil-Commonwealth fl-1947, ma kisbitx. Dan kien kollu grazzi għall-protagonisti tal-Indipendenza, Borg Olivier, Victor Ragonesi u J.J Camilleri li dan tal-aħħar imbagħad anke kien inkarigat ifassal il-qafas tal-kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti. Lil Borg Olivier l-Ingliżi litteralment ma setgħux isibu tarfu, għax kien perseveranti, kalm u deċiż f’dak li ried jakkwista u ħadd u xejn ma kien se jmejjillu l-ideali tiegħu. L-ideali tiegħu kienu li jsaħħaħ lil Malta għax kien jemmen fil-Maltin.
Fost l-aktar kwestjonijiet qawwija kien hemm l-interdett min-naħa tal-Knisja u l-battalja aktarx ħarxa bejn il-Knisja mmexxija mill-Arċisqof Gonzi u Mintoff. Minkejja li ħafna jaħsbu li Borg Olivier bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kien fuq in-naħa tal-Isqof, il-fatti juru xorta oħra għax fis-sewwa, Borg Olivier talab lill-Arċisqof Gonzi biex jirtira l-interdett għax ried li jekk jirbaħ l-elezzjoni tal-1962, din tkun abbażi tal-mertu Nazzjonalista li bħala partit kellu l-interess nazzjonali biss, u dan kien l-Indipendenza politika u ekonomika mill-Ingliżi darba għal dejjem.
Internament il-Partit Nazzjonalista wkoll sab oppożizzjoni qawwija. Herbert Ganado, li mbagħad saħansitra kellu wkoll Partit għalih, ma kienx sinkronizzat ma’ dak li l-Partit Nazzjonalista kien qiegħed jaħdem għalih. Ganado, li mhux darba u tnejn deher potenzjalment bħala s-suċċessur ta’ Borg Olivier, kien aktar fuq in-naħa tal-Knisja u Gonzi, li ironikament kienet aktar interessata li tibqa’ taħt il-protezzjoni u s-sigurtà tal-Ingilterra li kienet protestanta inkella xorta oħra. Irridu nżommu f’moħħna li dik il-ħabta, il-Knisja kienet tgawdi rispett li jisboq lil tal-lum. Irrispettivament, il-Partit Nazzjonalista għeleb kull sfida, anke ta’ Mabel Strickland li wkoll kienet kontra dak li ried jikseb Borg Olivier sabiex wasal għall-jum tal-21 ta’ Settembru tal-1964 li fih Malta ħadet ir-riedni ta’ pajjiżha, pass li jista’ jitqies li jmur lura saħansitra fl-1425 meta l-Maltin qamu jeħduha kontra Don Gonsalvo Monroi għax riedu jkunu huma l-mexxejja ta’ pajjiżhom flimkien ma’ ħafna ġrajjiet minn dan il-annu ‘l hemm.
Malta Indipendenti:
Għalhekk, huwa bix-xieraq li pajjiżna jilqa’ dan il-jum tant importanti fl-istorja soċjo-politika ta’ pajjiżna.
Mingħajr dubju, l-ewwel snin kienu iebsa immens, bħalma kienu iebsa ta’ kull pajjiż li nfired minn mal-Kuruna Ingliża, imma d-deċiżjoni kienet waħda irrevokabbli u minn hemm ‘il quddiem pajjiżna beda bil-mod il-mod jimmatura bħala pajjiż Indipendenti.
Għalkemm Duminku Mintoff oppona akkost ta’ kollox l-Indipendenza, huma ħafna tal-fehma li din kienet kollha għira għall-mod ta’ kif Borg Olivier irnexxielu jasal għal din l-iktar kisba importanti fl-istorja politika Maltija.
Il-Ħelsien u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma kienu qatt iseħħu li kieku Malta ma kisbitx l-Indipendenza.
//= $special ?>