Lokali

“Waqt li ħajti kienet ġejja fi tmiem, sibt il-persuna li kont qed infittex” : Bjorn u Maria se jiżżewġu

“Waqt li ħajti kienet ġejja fi tmiem, sibt il-persuna li kont qed infittex”

Bjorn Formosa u l-għarusa tiegħu, Maria, se jiktbu kapitlu ġdid f’ħajjithom wara li ħabbru li se jkunu qed jiżżewġu. Fuq Facebook, Bjorn kiteb li staqsa lill-għarusa tiegħu, Maria Muscat, biex tkun martu… u weġbitu ‘iva’.

Bjorn Formosa hu l-fundatur tal-NGO ‘ALS Malta’. Hu jbati mill-kundizzjoni ALS, marda li tiprogressa bil-mod il-mod sakemm twaqqaf in-nervituri tal-ġisem kollha milli jiffunzjonaw.

Bjorn u Maria reġgħu bnew kuntatt wara li Maria offriet li tgħin lil Bjorn wara li dan sar jaf bil-kundizzjoni tiegħu.

“Wara li tirċievi aħbar bħal dik, l-aħħar ħaġa li jkollok fuq moħħok hu li ssib l-imħabba ta’ ħajtek,” kiteb Bjorn fuq Facebook, li kompla li madanakollu, l-imħabba ma tmurx tfittixha int, iżda tiġi weħidha – xi kultant, fl-aktar ċirkustanzi misterjużi. “Waqt li ħajti kienet ġejja fi tmiem, sibt il-persuna li kont qed fittixt”, kiteb Bjorn.

Minkejja l-marda li għandu, Bjorn dejjem baqa’ ottimist għall-ħajja u hu magħruf għall-kuraġġ tiegħu. “Qatt taqta’ qalbek fil-ħajja” temm jgħid Bjorn.