Il-Malta Union of Teachers (MUT) ippreżentat petizzjoni li attirat ’il fuq minn 2,000 firma ’l biċċa l-kbira minnhom edukaturi, issejjaħ sabiex il-ġustizzja jkollha wiċċ uman.
F’konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ quddiem il-bini tal-Qorti, il-President tal-MUT Kevin Bonello fisser l-effett li jħalli dewmien żejjed ta’ kawżi fil-Qrati fuq il-ħajja u l-karriera tan-nies.
Kevin Bonello qal li l-petizzjoni kienet ispirata mill-każ ta’ Karen Mercieca, Learning Support Assistant Għawdxija li l-każ tagħha ilu jkarkar quddiem il-Qrati għal ħames snin sħiħ.
F’Novembru li għadda, Mercieca kienet liberata minn akkuża ta’ abbuż sesswali fuq tifla ta’ 11-il sena li għandha diffikultajiet fit-tagħlim, wara erba’ snin ta’ investigazzjoni mill-Pulizija meta t-tifla qalet li l-LSA messitha b’mod mhux xieraq fl-iskola Primarja ta’ Għajnsielem.
L-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza u d-deċiżjoni ilha tiġi differita għal dawn l-aħħar xhur.
Kevin Bonello ilmenta li l-Qrati mhumiex sensittiv għall-inkwiet li jgħaddu minnhom persuni li jkunu involuti f’każi bħal dawn. Ħames snin wara, is-saga ta’ Karen Mercieca għadha ma ntemmitx, sostna l-President tal-MUT.
“L-MUT trid tqajjem kuxjenza li hu inuman u inaċċettabbli li każi fil-Qorti, fejn il-karriera, ir-reputazzjoni u l-hajja ta’ persuna huma fin-nofs, jibqgħu pendenti għal diversi snin,” qal Bonello.
Il-petizzjoni kienet preżentat lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.
Sadanittant, fi stqarrija, il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li l-ġudikatura għandha titħalla tagħmel xogħolha f’awtonomija sħiħa u għaldaqstant mhux jindaħal u lanqas jiddiskuti l-mertu ta’ kawżi individwali.
Madanakollu, il-Ministeru qal li l-kawża msemmija tħalliet għas-sentenza fis-27 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet u l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, tat is-sentenza fid-19 ta’ Novembru ta’ wara, jiġifieri 23 ġurnata biss wara.
Il-Ministeru kompla li kif għandu kull dritt jagħmel f’awtonomija sħiħa, l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza f’Diċembru li għadda u ġie assenjat biex jiġi deċiż fi żmien 13-il xahar, jiġifieri sa Jannar li ġej.
Il-Ministeru kkwota statistika fejn qal li b’mod ġenerali, ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja qed tħalli r-riżultati f’termini ta’ effiċjenza.
//= $special ?>
