Qorti

Allied Newspapers jitolbu refużjoni ta’ flus minn Adrian Hillman

Jum wara li l-eks-Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman, fetaħ kawża dwar tkeċċija inġusta, il-kumpanija li tippubblika l-gazzetti Times of Malta u Sunday Times of Malta wieġbet b’ittra ġudizzjarja titlob refużjoni ta’ flus li ntefqu minn Hillman “mingħajr awtorizzazzjoni.”

Allied Newspapers qed jitolbu r-refużjoni ta’ flus li ntefqu fuq karti ta’ kreditu tal-kumpanija jew trasferiti f’kontijiet oħra mingħajr awtorizzazzjoni, kif ukoll flus li ntużaw mingħajr awtorizzazzjoni sabiex jinxtraw karozzi u żidiet għall-paga tiegħu stess li kienu deskritti bħala “unilaterali u abbużivi”.

L-ittra ġudizzjarja kienet preżentata sabiex jiġi evitat li tidħol fis-seħħ il-preskrizzjoni.

Adrian Hillman kien sospiż minn Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers u Chairman mhux eżekuttiv ta’ Progress Press f’Marzu li għadda wara li ismu tfaċċa fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Allied Newspapers fetħet inkjesta interna biex tinvestiga allegazzjonijiet li Hillman ixxaħħam miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, bir-riżultat li Allied Newspapers xtrat makkinarju u materjal mill-kumpaniji ta’ Schembri.

Kien allegat ukoll li Hillman fetaħ kont sigriet fil-British Virgin Islands biex fih jitfa’ flus.