Internazzjonali

Brad Pitt dispjaċut għall-pass li ħadet Angelina Jolie

L-attur Amerikan Brad Pitt talab biex tkun rispettata l-privatezza tat-tfal li kien adotta flimkien ma’ Angelina Jolie wara li din tal-aħħar għamlet talba għad-divorzju.
Pitt qal li kien dispjaċut ħafna għall-pass li ħadet Jolie imma qal li bħalissa dak li jgħodd hu l-ġid tat-tfal.
Jolie, li għandha 41 sena, talbet għad-divorzju minn ma’ Pitt li għandu 51 sena, għaliex xejn ma kienet kuntenta bil-mod kif kien qed irabbi t-tfal. Il-koppja għandhom sitt itfal li adottaw. Il-koppja kienu żżewġu fl-2014 wara relazzjoni li kienet bdiet għaxar snin qabel waqt il-ġbid tal-film ‘Mr & Mrs Smith’ li fih it-tnejn għandhom il-parti ewlenija.
Dan kien it-tieni żwieġ ta’ Pitt wara dan mal-attriċi Jennifer Aniston filwaqt li għal Jolie kien it-tielet wara dak mal-atturi Billy Bob Thornton u Jonny Lee Miller.
L-attur Amerikan jon Voight, li jiġi missier Jolie, esprima d-dispjaċir tiegħu għall-aħbar u qal li hi x’inhi r-raġuni, hi xi ħaġa serja biex bintu ħadet dan il-pass.