L-awtoritajiet Ċiniżi qalu li ma jistgħux jieħdu azzjoni dwar it-trattament ta’ tifla ta’ tmien snin li n-nanniet tagħha spiċċaw rabtuha ma’ siġra għal kważi sitt snin.
It-tifla, Zhao Ziyi, mill-villaġġ ta’ Louyang, fil-provinċja ta’ Henan, kienet marbuta b’ħabel, għall-ewwel darba, fl-2010, wara li ‘hi kienet bdiet tattakka lin-nies’. In-nanniet żvelaw li t-tifla ‘kienet bdiet taġixxi b’mod stramb’ wara li batiet minn inċidenza ta’ deni rikurrenti. Intant, l-anzjani spjegaw li ‘kellhom tifla perikoluża li spiċċat tattakka lil tfal oħra u persuni akbar minnha, u għaldaqstant huma kellhom jorbtuha’.
L-indikazzjonijiet huma li Zhao, li tgħix man-nanniet tagħha, tbati bi problemi mentali. Dan meta l-ġenituri tagħha – li t-tnejn għandhom bżonnijiet speċjali – jgħixu ’il bogħod minnha u separati minn xulxin. Intant, l-awtoritajiet Ċiniżi stqarrew li ma jistgħux ‘jintervjenu’ b’mod dirett u attiv fil-każ tat-tifla.