Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ikkonfermat sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti li fiha illiberat koppja li kienet akkużata bi frodi ta’ €40,000 għad-dannu ta’ Bank of Valletta.
Il-każ imur għall-2010 meta l-manager tal-fergħa tal-Bank of Valletta ta’ San Ġwann ta bi żball kaxxa ta’ depożitu lil klijent li kienet diġa’ ngħatat lil klijenti eżistenti. Il-koppja Maria u Victor Xuereb qalet li kellha €40,000 li kienu neqsin filwaqt li l-koppja l-oħra, Anthony u Mary Rose Mangion qalet li poġġiet €40,000 u kien hemm xi flus f’dollari Amerikani li qalu li ma kinux tagħhom.
Il-Bank kien għaraf li l-iżball kien tiegħu u ta lill-koppja Xuereb il-benefiċċju tad-dubju u rrifonda l-€40,000. Iktar minn sena wara, il-Pulizija bdiet tinvestiga l-koppja Xuereb. L-ewwel Qorti, preseduta mill-Maġistrat Carol Peralta, esprimiet it-tħassib tagħha li l-pulizija investigat lill-koppja Xuereb, li l-bank kien tahom il-benefiċċju tad-dubju, u ma investigatx il-koppja Mangion.
Dakinhar, l-Ispettur Joseph Mercieca kien qal li l-bank ma talabx lill-pulizija tinvestiga u qal li l-investigazzjoni bdiet fuq ordni tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-koppja Xuereb kienet assistita mill-Avukat Lucio Sciriha.
//= $special ?>

