Lokali

Imniedi Master Plan għal Paceville

L-Awtorita tal-Ippjanar nediet master plan għaż-żona ta’ Paceville għall-konsultazzjoni pubblika li se tkun mifruxa fuq sitt ġimgħat.

Matul it-tnedija tal-masterplan rappreżentanti tal-kumpanija Mott MacDonald li kienu fdati b’dan il-pjan taw dettalji tal-pjan li mistenni jkun mifrux fuq tliet fażijiet bl-aħħar fażi skedata li tinbeda mis-sena 2021 ‘l hemm.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet kienu ppreżentati diversi għażliet li kellha quddiemha l-kumpanija bil-pjan ippreferut ikun dak li jsir l-aqwa użu tal-ispazji pubbliċi partikolarment il-Bajja ta’ San Ġorġ.

Il-pjan jinkorpora wkoll il-bini għoli li, skont ir-rappreżentant tal-kumpanija fdata bil-masterplan, mhux se jtellef l-iskyline.

Il-pjan jissuġġerixxi wkoll titjib fit-trasport pubbliku u l-introduzzjoni ta’ mezzi oħra bħall-mixi u l-użu tar-roti. Dan minbarra li hemm l-għan li jkunu esplorati wkoll mezzi ta’ trasport oħra li jgħaqqdu lil Paceville ma’ partijiet oħra ta’ Malta.

Preżenti għat-tnedija tal-Master Plan kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Deborah Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johan Buttigieg.