Lokali

Investiment meħtieġ biex ipatti għall-impjiegi mitlufa mid-De La Rue – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li jilqa’ b’sodisfazzjon l-investiment imħabbar mill-Istati Uniti, filwaqt li esprima t-tama li dan iseħħ tassew u ma jiġrix bħal tant hekk imsejjħa investimenti mħabbra b’tant pompa mill-Prim Ministru, iżda li qatt ma raw id-dawl tax-xemx.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif hekk kien ġara, per ezempju, bl-investiment tal-privat fi sptar fi SmartCity, li kellu jimpjega 500 persuna, kif imħabbar mill-Prim Ministru b’tant pompa waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali s-sena li għaddiet.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li dan l-isptar suppost kellu jimpjega 500 persuna. Madankollu, wara sena u nofs, għad ma sar xejn dwaru.

Jekk l-investiment iseħħ, merħba bih għax hu meħtieġ biex itaffi ftit mit-telf ta’ mijiet ta’ impjiegi mid-De La Rue, li laqat bosta familji ftit xhur ilu biss, temmet tgħid l-istqarrija.