Ambjent Lokali

Irrevokati 10 permessi lil erba’ operaturi tal-fish farms

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar irrevoka 10 permessi mogħtija lil erba’ operaturi tal-fish farms. Dan minkejja li l-operaturi għamlu dikjarazzjoni, li fiha ppreżentaw pjan dwar kif se jirregolarizzaw ruħhom kif mitlub mill-istess Bord aktar kmieni dan ix-xahar.

Fis-6 ta’ Settembru, waqt laqgħa oħra tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, erba’ operaturi tal-fish farms ingħataw ċans sal-lum biex iressqu pjan li jirregolarizza l-pożizzjoni tagħhom, inkluż ir-rilokazzjoni tal-gaġeġ tal-ħut.

Dakinhar, iċ-Chairman tal-Bord Vince Cassar qal li l-pjan għandu jkollu l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Mistoqsi fil-laqgħa tal-lum jekk id-dikjarazzjoni tal-operaturi kinitx waħda aċċettabbli għall-Awtorità, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar wieġeb li iva.

Rappreżentanti legali tal-operaturi spjegaw li l-klijenti tagħhom diġà bdew bix-xogħol ta’ rilokazzjoni ta’ gaġeġ, b’uħud minnhom jgħidu li x-xogħol se jkun lest sal-ġimgħa d-dieħla. Oħrajn argumentaw li għad hemm appelli pendenti fuq l-avviżi ta’ infurzar, hekk kif bir-revoka tal-permessi, dan il-proċess se jkun inqabeż għal kollox.

It-theddida tar-revoka tal-permessi waslet wara ġimgħat ta’ rapporti ta’ tniġġiż minn żlieġ f’diversi nħawi tal-kosta Maltija, b’ħafna jippontaw is-swaba’ lejn il-gaġeġ tat-tonn u ħut ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel ma’ din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, tant li r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Ryan Callus, ivvota favur f’vot favur l-Ambjent.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jilqa’ l-fatt li f’dawn il-ġimgħatejn, l-operaturi ħarġu bi pjan kif mitlub minnhom, li issa għandhom iwettquh biex imexxu l-gaġeġ tat-tonn ‘il barra mill-kosta u fl-istess waqt jirrispettaw l-istandards ambjentali mitluba minnhom.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jistenna wkoll li l-Awtorità tal-Ippjanar tiżgura li dan il-pjan issa jitwettaq u dak li ġara din is-sena ma jerġa’ jseħħ qatt.