Sit elettroniku ġdid iddiżinjat minn Debono Group għandu jwassal biex f’pajjiżna jkun hawn informazzjoni xjentifika dwar il-problema dejjem tikber tat-traffiku madwar Malta u Għawdex.
Is-sit hu parti minn “Project Eagle”, li jġib l-isem ta’ alla tas-saħħa fil-mitoloġija Griega.
Dan għaliex l-għan ta’ Debono Group, li jimportaw il-vetturi tat-tip Toyota f’pajjiżna, hu wkoll li jikkontribwixxi favur is-saħħa tal-bniedem u l-impatt negattiv tat-traffiku fuq l-ekonomija.
Meta wieħed jaċċessa s-sit, ikun mitlub idaħħal xi informazzjoni, fosthom minn fejn beda u spiċċa l-vjaġġ tiegħu, kif ukoll kemm dam isuq biex wasal fid-destinazzjoni.
Malli jiddaħħlu dawn id-dettalji, is-sistema toħroġ b’ċifra tal-frustrazzjoni tas-sewwieq. Din hi kkalkulata billi b’mod awtomatiku jitqabbel il-ħin li suppost jieħu l-vjaġġ mal-ħin reali.
Is-sit hu ffinanzjat minn Debono Group u qed isir grazzi għall-koperazzjoni ta’ numru ta’ professjonisti, li b’xi mod jew ieħor jaħdmu fis-soċjetà jew fis-settur tat-trasport.
//= $special ?>

