Internazzjonali

Jintilef il-kontroll tal-istazzjon spazjali Ċiniż

Iċ-Ċina kkonfermat li tilfet il-kontroll tal-istazzjon spazjali tagħha, it-Tiangong-1, u issa minħabba f’hekk dan mistenni jaqa’ lura lejn id-dinja lejn nofs is-sena d-dieħla. Iżda f’liema parti tad-dinja se jinżel, s’issa mhux magħruf.
It- Tiangong-1 tpoġġa fl-ispazju fl-2011 u kien mistenni li la darba m’hemmx użu aktar jitniżżel fid-dinja u jinqered mad-dħul lura fl-atmosfera tad-dinja.
Uffiċjali Ċiniżi qalu li skont il-kalkoli, parti kbira tal-istazzjon spazjali mistennija tinqered hekk kif tmiss mal-atmosfera tad-dinja imma l-bqija se jaqgħu lejn id-dinja u hu impossibbli li wieħed ikun jaf fejn.
L-aġenzija spazjali Ċiniża qalet li se tkompli tgħasses lit- Tiangong-1, li jiżen tmien tunellati, u wiegħdet li se toħroġ allert jekk ikun hemm periklu li da jinżel f’zoni fejn jgħixu n-nies.
L-aħbar kienet konfermata biss jiem wara li ċ-Ċina tellgħet fl-ispazju t-tieni stazzjon spazjali, it-Tiangong -2 – u f’Ottubru mistennija jintbagħtu żewġ astronawti li mistennija jibqgħu abbord għal xahar.