Il-21 ta’ Settembru hu jum importanti, anzi l-iktar importanti, fl-istorja ta’ pajjiżna. Data li timmarka l-ġurnata li fiha Malta saret sovrana, awtonoma – jum li jfakkarna li pajjiżna hu s-sid tad-destin tiegħu, mingħajr l-indħil barrani. L-indipendenza hi dik li tiddistakkana minn kull pajjiż ieħor, tagħmilna liberi.
L-Indipendenza għandha tkun dak l-element li jagħmilna kburin li aħna Maltin u onorati li qabilna kien hemm nies, bħal Ġorġ Borg Olivier u oħrajn, li kellhom viżjoni ta’ Malta sid tagħha nnifisha, mmexxija minn Maltin li jridu l-ġid lill-pajjiż mingħajr ma jkunu ddettati l-azzjonijiet, anzi jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex pajjiżna jiżviluppa.
Il-fatt li lbieraħ iċċelebrajna t-52 sena ta’ Malta Indipendenti, ifisser li qed ingawdu l-frott ta’ min tħabat biex poġġa lil pajjiżna fuq il-mappa, li ta identità idonea lil Malta, li jfisser li llum aħna Maltin veri u mhux biss art strateġika għall-iskopijiet tal-barranin. Dan kollu sar b’sagrifiċċju, b’ħajjiet u determinazzjoni biex Malta jkollha l-istatus li jixirqilha bħala pajjiż serju, kapaċi jimxi u jitmexxa minn Maltin.
Napprezzaw u nissalvagwardjaw
Il-ġenerazzjonijiet tal-lum, mhux neċessarjament konxji ta’ xi jfisser tkun pajjiż indipendenti. Mhux konxji ta’ x’wassal biex pajjiżna kien indipendenti u kemm hu mportanti li l-pajjiżna nżommuh indipendenti – Indipendenti fil-mod kif kulħadd jimxi ’l quddiem flimkien ma’ pajjiżna, Indipendenti għaliex iħaddan il-valuri tad-demokrazija, indipendenti għaliex hu pajjiż ġust fejn min jgħix fih, kulħadd ikun trattat l-istess.
Hawn hi l-importanza li nżommu pajjiżna indipendenti. Inżommuh indipendenti mhux bil-kliem biss iżda billi naraw li l-iżvilupp tal-pajjiż jiġi l-ewwel. Billi naraw li min għandu bżonn l-għajnuna, min hu vulnerabbli, jingħata l-opportunitajiet u l-għodda neċessarji biex verament ikun indipendenti għaliex l-indipendenza ta’ pajjiżna għandha tkun riflessa wkoll fl-indipendenza ta’ kull individwu.
Naraw li l-poplu wkoll ikun indipendenti
Il-mistoqsija hi jekk illum il-poplu jħossux indipendenti. Bħalissa f’pajjiżna qed jirrenja sentiment ta’ ħakma, fejn mhux kulħadd qed jirnexxi. F’pajjiżna hawn sentiment fejn il-ftit qed igawdu u l-maġġoranza qed jibqgħu lura milli jirnexxu għaliex magħluqin minn dawk il-ftit li qed jaħkmu kollox.
Inutli nilagħbu bid-diskors, nies ta’ kull opinjoni politika, anke nies li appoġġjaw dan il-Gvern fl-aħħar elezzjoni ġenerali, nies li jridu jitkellmu b’mod onest, jirrikonoxxu l-fatt li pajjiżna maħkum minn grupp żgħir ta’ nies imdawrin mal-Prim Ministru Joseph Muscat, li qed jirnexxu, u kif, però qed jirnexxu għad-detriment ta’ pajjiżna u l-poplu Malti.
Illum il-poplu mhux iħossu indipendenti għaliex imexxu l-pajjiż hemm nies li qed jaraw l-interessi tagħhom u mhux tal-pajjiż u b’hekk il-ġid mhux qed jissarraf l-istess għal kulħadd.
Nagħtu l-Indipendenza lill-poplu
Hemm barra hemm karba biex il-poplu jingħata l-Indipendenza lura. Il-poplu ma jridx jibqa’ maħkum, mhux mill-barrani f’dan il-każ, iżda minn Maltin stess li għandhom il-prijoritajiet tagħhom ta’ taħt fuq. Nies li ngħataw il-fiduċja iżda mhux irodduha lura lill-poplu li tahielhom.
Nies li qed jaraw li jgawdu huma u ma jinteressahomx minn min qed ibati, minn min qiegħed fir-riskju tal-faqar, minn min qiegħed bla xogħol, minn min ma jwassalx sal-aħħar tax-xahar bil-paga, minn min qiegħed jaħdem bil-prekarjat, minn min għandu bżonn xi tip ta’ kura. Jinteressahom biss mill-gwadann personali u dan kollu bil-barka tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Għalhekk dawn il-festi tal-Indipendenza kienu speċjali, għaliex il-karba tal-Maltin hi li jridu l-indipendenza minn din il-klikka, Gvern f’xibka ta’ skandli. Karba għall-Indipendenza biex f’pajjiżna terġa’ tirrenja s-serjetà u l-kumdità biex kulħadd jirnexxi flimkien.