L-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tikkonferma li, kemm ilu Joseph Muscat Prim Ministru, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar żdied, u mhux bi ftit.
Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, il-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar u l-Kelliem tal-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri.
L-istqarrija tfakkar li mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kif anke kiteb il-Partit Laburista fil-programm elettorali tiegħu, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar kien 88,000. Illum, skont l-istatistika tal-NSO, dan in-numru tela’ għal 94,250 – jiġifieri żieda ta’ aktar minn 6,000 persuna.
L-istqarrija turi li fl-ewwel sena ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar sploda għal 100,000. Għalkemm matul is-sena li għaddiet dan in-numru naqas, xorta huwa ta’ aktar minn 6,000 aktar mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-familji Maltin u Għawdxin, partikolarment dawk li ma jirnexxilhomx ilaħħqu mal-ħajja, jafu li l-prezz tal-ikel sploda. L-istudju serju li għamlet il-Caritas ikkonferma kif min kien fil-faqar kompla jiftaqar u dawk li kienu fix-xifer waqgħu fil-faqar. Dan minħabba l-fatt li fl-aħħar tliet snin familja bi dħul baxx żdidulha l-ispejjeż bi €800 fis-sena. Dak li ħareġ mill-istudju tal-Caritas ġie kkonfermat fl-istatistika tal-NSO maħruġa llum.
L-istqarrija tal-PN ttemm tgħid li Joseph Muscat m’għandu ebda interess li jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-familji f’riskju ta’ faqar għaliex moħħu biss fi sħabu li għandhom il-kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu l-miljuni, flus li ġejjin mis-senserija.
Għall-kuntrarju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà beda jispjega l-viżjoni tiegħu biex familji bi dħul baxx u dawk f’riskju ta’ faqar ikollhom il-kundizzjonijiet ta’ ħajjithom imtejba. Fost l-oħrajn, billi familji li jikru mill-privat jingħataw sussidju aħjar, u li dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali titbaxxilhom il-kera lura għal kif kienet qabel iż-żidiet li għamel Joseph Muscat.
//= $special ?>