Sewwieq ta’ mutur tilef ħajtu aktar kmieni llejla wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku f’Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fil-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel li kien qed isuq mutur tat-tip Suzuki, tilef il-kontroll bil-konsegwenza li tela’ fuq il-bankina. Jidher li r-raġel li huwa ta’ nazzjonalita` barranija u għandu 40 sena, residenti San Pawl il-Baħar, waqa’ minn fuq il-mutur iżda l-istess mutur baqa’ jitkaxkar għal diversi metri u kellu impatt ma’ xi bankijiet li hemm tul il-promenade.
Kawża tal-inċident, raġel ieħor li f’dak il-ħin kien miexi fuq il-bankina wkoll safa’ ferut. Ir-raġel huwa barrani, residenti San Pawl il-Baħar u għandu 33 sena.
Iż-żewġ persuni involuti f’dan l-inċident ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika iżda tilef ħajtu ftit tal-ħin wara. Filwaqt li l-kundizzjoni medika tar-raġel ta’ 33 sena għadha mhux magħrufa.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Stafrace Żammit li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

