Lokali

Sewwieq żagħżugħ ta’ mutur iweġġa’ wara li ntlaqat minn karozza fit-Triq ta’ Ħal Far

Żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħal Tarxien ddaħħal l-Isptar għall-kura wara li aktarx li sofra feriti gravi meta ntlaqat minn karozza waqt li kien qed isuq il-mutur tiegħu fit-Triq ta’ Ħal Far.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm, meta jirriżulta li l-mutur tat-tip Yamaha, misjuq miż-żagħżugħ, intlaqat mill-vettura tat-tip Toyota Tercel, misjuqa minn żagħżugħa ta’ 27 sena minn Ħal Qormi. Jirriżulta li maż-żagħżugħa kien hemm ukoll tifla ta’ ħames snin.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li l-inċident seħħ hekk kif, għal xi raġuni, il-karozza marret fid-direzzjoni opposta tat-triq u telgħet għal fuq il-bankina u fuq il-‘bicycle lane’. Kien f’dawn il-ħinijiet li seħħ l-impatt mal-mutur, li mad-daqqa wkoll spiċċa fuq il-bankina.

Fil-post issejħu l-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li taw l-ewwel għajnuna lill-persuni nvoluti fil-post. Iż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar għal aktar kura. Għalkemm il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa, hu mifhum li ż-żagħżugħ sofra feriti gravi.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.