F’dinja fejn l-informazzjoni qiegħda ssir dejjem aktar aċċessibbli u fejn il-fruntieri qegħdin jingħelbu b’mod aktar faċli, ir-reputazzjoni ta’ pajjiż qiegħda ssir dejjem aktar kruċjali. Kruċjali mhux biss għaliex kull min iħobb lil pajjiżu jixtieq li f’għajnejn ġnus oħra l-isem tal-pajjiż ikun assoċjat ma’ ħsieb pożittiv, iżda kruċjali fuq livell ekonomiku u politiku aktar u aktar meta l-pajjiż għandu limitazzjonijiet ġeografiċi li hu essenzjali li jgħeleb għalkollox.
F’pajjiżna l-frott ta’ snin twal ta’ ħidma hi ekonomija li minkejja l-limitazzjonijiet ġeografiċi hi ekonomija li kapaċi tiġġenera tkabbir u li kapaċi tkun waħda b’saħħitha. Pajjiżna mhuwiex pajjiż li joffri biss xemx u baħar iżda sar ċentru ta’ servizzi finanzjarji, ċentru tal-gaming u ċentru tal-farmaċewtika fost oqsma oħra. Dawn il-kisbiet pajjiżna għamilhom mhux b’xorti jew b’kumbinazzjoni imma b’ħidma sfieqa u billi bena reputazzjoni ta’ pajjiż serju fejn l-affarijiet isiru bil-ġust, bis-sewwa u bil-għaqal biex b’hekk tiġi spirata l-fiduċja tal-investitur barrani.
Naturalment, meta pajjiż jibda jmur tajjeb hu normali u naturali li pajjiż ieħor jipprova jara jekk ikunx hemm xi mod kif jibdel ir-rota u jieħu hu s-suċċess minflok. Għalhekk hu essenzjali li pajjiżna fuq livell politiku jkollu kredenzjali mill-aqwa biex b’hekk meta jiġi l-mument tad-deċiżjonijiet pajjiżna jkollu l-kredibbiltà meħtieġa f’xenarju tal-politika tal-persważjoni.
Illum ma nistgħux naħbu
Kull ħaġa li b’xi mod ittappan il-kredibbiltà ta’ pajjiżna għalhekk tagħmel ħsara lil pajjiżna fuq livell politiku u ekonomiku. Ikun iblah min jaħseb li llum il-ġurnata nistgħu naħbu x’inhu jiġri u ngħidu li kollox miexi sew meta dan mhuwiex il-każ. Ikun iblah min jaħseb li nistgħu f’pajjiżna nħallu korruzzjoni rampanti sseħħ mingħajr ebda konsegwenza mbagħad f’fora internazzjonali nippruvaw niċħdu s-sewwa magħruf.
Hu għalhekk li l-akbar għadu għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi l-korruzzjoni u kull min iwettaq l-korruzzjoni. Kull min iwettaq il-korruzzjoni u kull min qiegħed fil-poter u jħalli lil min iwettaq il-korruzzjoni qiegħed b’mod dirett jagħmel ħsara lil pajjiżna. Qiegħed b’mod dirett iħott snin twal ta’ xogħol u ħidma biex pajjiżna wasal fejn hu llum il-ġurnata.
Hemm min qiegħed jipprova jixgħli lil min bir-raġun qiegħed jipprova jwissi dwar il-periklu tal-korruzzjoni rampanti bi tradiment tal-pajjiż. Hemm min qiegħed jipprova jargumenta li kullħadd għandu he turns a blind eye u nippruvaw nigbdu lil sħabna l-Ewropej; bħallikieku dawn ma jkunux għamlu r-riċerka indipendenti tagħhom. Argumenti dgħajfa ta’ min qiegħed clutching at straws.
Pajjiżna jixraqlu tmexxija onesta
Pajjiżna jixraqlu tmexxija li tonora l-ħidma ta’ tant u tant nies tul is-snin u li tkompli tibni u ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Pajjiżna jixraqlu tmexxija li bil-politika tagħha twassal għal tisħiħ ekonomika u kredibbiltà għola għal pajjiżna fuq livell internazzjonali. Pajjiżna jixraqlu tmexxija onesta, tmexxija nadifa, tmexxija ta’ prinċipju, tmexxija fejn tassew tirrenja kultura ta’ kontabbiltà u meritokrazija.
Pajjiżna għandu bżonn Gvern Nazzjonalista b’Simon Busuttil bħala Prim Ministru ta’ Malta. Kull min hu ta’ rieda tajba u jemmen li pajjiżna jixraqlu nifs ġdid, nifs nadif, ħieles mill-intina tal-korruzzjoni għandu jara fil-Partit Nazzjonalista opportunità perfetta.
Il-bieb tal-Partit Nazzjonalista hu miftuħ beraħ għal kull min għandu l-istess viżjoni ta’ Malta nadifa u ħielsa mill-korruzzjoni. Din mhijiex xi ġlieda ta’ Nazzjonalisti u Laburisti; din hi ħidma b’risq it-tisħiħ ta’ pajjiżna li għandu bżonn jeħles mill-korruzzjoni llum qabel għada.