Internazzjonali

Tinqaleb dgħajsa tal-immigranti ‘il hinn mill-Eġittu….Jaħsbu li mietu l-mijiet

In-nies li salvaw mill-għarqa ta’ dgħajsa li seħħet nhar l-Erbgħa, ‘il hinn mill-kosta tal-Eġittu, infurmaw lill-BBC li ‘setgħu għerqu l-mijiet ta’ passiġġieri’ fiċ-ċirkustanzi.

Id-dgħajsa kienet qed iġġorr bejn 450 u 600 immigrant meta nqalbet f’zona ta’ baħar, xi 12 il-kilometru biss ‘il bogħod mix-xatt. L-awtoritajiet qalu li salvaw madwar 160 persuna li kienu fuq id-dgħajsa u li xi 50 katavru kienu rkuprati (s’issa) mill-baħar, ‘il hinn mill-belt tal-port ta’ Rosetta.

L-aħħar rapporti qalu li erba’ membri tal-ekwipaġġ tad-dgħajsa spiċċaw arrestati mill-uffiċjali Eġizzjani. L-arrestati, fi kliem l-uffiċjali ġudizzjarji, huma suspettati dwar qtil involontarju u traffikar ta’ bnedmin.

L-aħħar traġejda fuq il-baħar seħħet wara li l-Frontex, li hi l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-fruntieri wissiet li n-numri qed jiżdiedu ta’ immigranti destinati għall-Ewropa qegħdin jużaw l-Eġittu bħala l-punt tat-tluq ewlieni.