Il-Qorti tal-Appell Kriminali ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima naqqset il-piena mogħtija mill-ewwel Qorti minn tliet snin priġunerija għal sena.
F’Lulju li għadda, Louis Lia ta’ 46 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs u mmultat €3,000 wara li kien instab ħati li kien qed jikkoltiva pjanti tal-kannabis, li kellu fil-pussess l-istess pjanti li kienu jindikaw li ma kienux għall-użu personali tiegħu u li kellu fil-pussess tiegħu, l-istess pjanta qrib ċentru frekwentat minn żagħżagħ. Każ li jmur lura għal Ġunju 2007.
Fl-appell tagħha, id-difiża qalet li Lia dejjem sostna li kien jikkoltiva l-kannabis għall-użu personali tiegħu u li kien ipejjep bejn 7 u 8 joints kuljum. Id-Difiża oġġezzjonat ukoll għall-istqarrija li l-akkużat ta lill-pulizija fid-dawl tal-fatt li ma kienx assistit minn avukat. Eċċezzjoni li ntlaqgħet mill-Qorti li ordnat l-isfilz tal-istqarrija tal-appellant.
Il-Qorti ċaħdet it-teżi tad-difiża li l-kannabis kienet biss għall-użu personali tiegħu u kkonfermat il-ħtija fis-sentenza oriġinali. Madanakollu, il-Qorti kkunsidrat li l-ammont kien inqas minn 300 gramma u l-fatt li l-każ ilu li seħħ kważi 10 snin, dawn jippuntaw lejn piena li xxaqleb lejn il-minimu. Konsegwentement il-piena ta’ priġunerija tnaqqset minn tliet snin għal sena.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, filwaqt li Lia kien assistit mill-Avukat Jason Azzopardi.
//= $special ?>

