Internazzjonali

Ajruplani tal-RAF jinterċettaw bombers Russi

Żewġ ajruplani fighter-jets tar-Royal Air Force (RAF) interċettaw bombers Russi, tat-tip Tupolev Tu-160, li waslu sa ftit ’il hinn mill-kosta tal-Iskozja.
Il-bombers Russi, li kapaċi jġorru mas-16-il missila nukleari, kienu qed javviċinaw mil-Lvant u għaddew lejn il-Punent tal-Gżejjer Shetland.
Il-Ministeru tad-Difiża Britanniku, konferma li l-ajruplani tal-RAF, tat-tip Typhoon, telgħu mill-bażi ta’ Lossiemouth, fit-Tramuntana tal-Iskozja, biex jinterċettaw il-bombers Russi tat-tip Blackjack.

Madankollu ngħad li l-ajruplani tar-Russja fl-ebda ħin ma daħlu direttament fl-ispazju tal-ajru territorjali tar-Renju Unit. Intant, l-inċident bil-bombers kien l-aħħar eżempju ta’ kemm il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jippersisti b’tip ta’ politika perikoluża sal-limitu ta’ fejn hu aċċettabbli.