Akram Swayah, missier ta’ 40 sena li jgġix f’San Pawl il-Baħar ilbieraħ miet ftit wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur f’Dawret il-Gżejjer f’San Pawl il-Baħar.
Ir-raġel, li fuq il-midja soċjali jidher maż-żewġt’ifal tiegħu, kien deskritt bħala raġel li dejjem lest biex jgħin lil ħaddieħor u li dejjem bit-tbissima.
L-inċident seħħ il-Ħamis filgħaxija meta r-raġel kien qed isuq mutur tat-tip Suzuki u tilef il-kontroll, b’konsegwenza li tela’ fuq il-bankina. Il-mutur baqa’ jitkaxkar għal diversi metri.
Kawża tal-inċident, raġel ieħor ta’ 33 sena li f’dak il-ħin kien miexi fuq il-bankina wkoll weġġa’.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Stafrace Żammit li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.