Aġġornata b’filmat
Il-kera tal-housing terġa’ lura għal li kienet
Kif ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt il-mass meeting nhar it-Tlieta li għadda, Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi t-taxxa fuq il-faqar li ntroduċa fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura Joseph Muscat. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni soċjali li qed ikollhom iħallsu bosta familji bi dħul baxx hi forma ta’ taxxa fuq il-faqar, u għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed ireġġa’ l-prezzijiet tal-housing għal dawk li kienu qabel żiedhom Joseph Muscat.
Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtorità tad-Djar fil-Floriana, li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri.
Paula Mifsud Bonnici fakkret li hemm familji li minn kemm ilu li Muscat sar Prim Ministru, l-prezz tal-kera fl-akkomodazzjoni soċjali żdiedlu b’erba’ darbiet. Hi qalet li fl-appartamenti tal-Gvern allokati għall-akkomodazzjoni soċjali hemm jgħixu madwar 15,000 familja. “Ħafna minn dawn il-persuni huma anzjani u familji li għandhom dħul baxx, u li raw l-introduzzjoni ta’ taxxa ġdida fuq il-faqar,” qalet Paula Mifsud Bonnici.
Hi sostniet ukoll li fid-diskors tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti sussidju aħjar lil dawk il-familji bi dħul baxx li jikru mingħand il-privat. Hi fakkret li l-Gvern Nazzjonalista kien introduċa l-programm “Skema ta’ Sussidju fuq il-Kera f’Residenzi Privati”, li permezz tiegħu, l-Gvern beda jagħti sussidju fuq il-kera mħallsa fuq postijiet mikrija għal residenza. Il-Partit Nazzjonalista ma jemminx f’kontrolli fuq il-privat, iżda li ssir ġustizzja soċjali, qalet Paula Mifsud Bonnici.
“Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li biż-żidiet esaġerati fil-prezzijiet tal-kiri, bosta familji bi dħul baxx mhux ilaħħqu ma’ dawn il-kirjiet. Ħafna mill-kirjiet illum għolew għal €500 fix-xahar, jiġifieri min qed jgħix bil-paga minima, jkollu jgħix xahar sħiħ b’€200,” qalet Paula Mifsud Bonnici. Hi sostniet li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista hi li jiżdied b’mod drastiku s-sussidju li jingħata lil min jikri mingħand il-privat.
Stephen Spiteri qal li ma’ dan il-Gvern, min hu vulnerabbli qed jispiċċa jħallas aktar, tant li kif ġie kkonfermat mill-istatistika tal-Gvern stess, il-faqar taħt Joseph Muscat żdied. Fil-fatt, filwaqt li fl-elezzjoni ġenerali n-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar kien dak ta’ 88,000, dan in-numru issa tela’ għal 94, 250, jiġifieri żieda ta’ aktar minn 6,000 persuna fi tliet snin u nofs.
Il-Kelliem tal-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar qal li filwaqt li dawk fil-poter ta’ Kastilja qed jiġu akkużati b’tixħim u korruzzjoni u li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu l-miljuni ta’ ewro ġejjin mis-senserija, eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u qed jgħixu fil-faqar.
Hu fakkar ukoll li anke l-istudju professjonali tal-Caritas ikkonferma li min kien fil-faqar kompla jiftaqar u dawk li kienu fix-xifer waqgħu fil-faqar għax familja bi dħul baxx fl-aħħar tliet snin żdidulha l-ispejjeż bi €800 fis-sena. Dak li ħareġ mill-istudju tal-Caritas ġie kkonfermat fl-istatistika tal-Gvern stess maħruġa lbieraħ, temm jgħid Stephen Spiteri.
//= $special ?>