Grupp ta’ attivisti qasmu bil-baħar lejn Manoel Island f’protesta simbolika biex jinsistu dwar id-dritt tal-pubbliku li jingħata aċċess għal Manoel Island. Fl-aħħar ġimgħat spikkat il-kontroversja dwar l-aċċess għal din il-gżira, b’numru ta’ protesti, fosthom it-tneħħija ta’ gradi li kienu qed jimblukkaw l-aċċess għal Manoel Island.
Kien għall-ħabta tal-4.30pm, li numru ta’ dgħajes b’attivisti mill-Kamp Emerġenza Ambjent qasmu minn Marsamxett lejn Manoel Island. Magħhom, l-attivisti ħadu banner kbir aħdar bil-kliem “Aċċess bi Dritt”. Il-banner hu kbir ħafna, tant li jidher sew mill-Belt Valletta.
Malli l-ewwel attivisti bdew jaslu fuq il-gżira ta’ Manoel Island, issejħu uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, li skont l-ewwel informazzjoni, marru fuq il-post biex jipprevjenu t-twaħħil tal-banner. Madanakollu dan ma kienx il-każ, hekk kif l-attivisti rnexxielhom idendlu l-banner.
Kelliem għall-Kamp Emerġenza Ambjent spjega li din kienet protesta simbolika. Żied li għada fl-10.30 ta’ filgħodu se tkun qed issir protesta oħra quddiem Manoel Island.
Intant, fil-ħin li l-attivisti kienu qed jaqsmu lejn Manoel Island bid-dgħajsa, ħarġet l-aħbar li l-Gvern se jkun qed iressaq protest ġudizzjarju kontra l-MIDI, il-kumpanija f’idejha għandha l-management ta’ Manoel Island. Din l-aħbar kienet milqugħa mill-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira li nnutaw li l-Gvern fl-aħħar ħa azzjoni wara ġimgħat ta’ pressjoni. Żiedu li se jibqgħu isegwu l-iżviluppi b’rabta ma’ dan il-każ sabiex il-protest ġudizzjarju jimmaterjalizza fi dritt konkret għall-pubbliku li jingħata l-aċċess għal Manoel Island.

Il-Kunsilliera tal-PN fil-Gżira se jsegwu l-iżviluppi mill-qrib
Fl-istess ħin li kienet qed issir din il-protesta, sar magħruf li l-Gvern fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-MIDI, bil-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Gżira, Wayne Hewitt, jispjega ma’ NETnews il-pożizzjoni tal-Kunsilliera Nazzjonalisti.
Hu qal li fid-dawl ta’ dan il-protest ġudizzjarju, il-Kunsillieri Nazzjonalisti se jkomplu jsegwu mill-qrib bl-iskop li l-azzjoni tal-Gvern, li ġiet wara ġimgħat ta’ pressjoni, issarraf f’aċċess għall-pubbliku.
Il-Kunsilliera Graziella Schembri min-naħa tagħha rreferiet għal-liġi dwar id-dominju pubbliku, li ddaħħlet fl-aħħar xhur fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Żiedet li din il-liġi tassigura li x-xtut kollha tal-pajjiż ikunu parti mid-dominju pubbliku, li jfisser aċċess awtomatiku għall-pubbliku.
Il-Kunsillier Jeremy Cardona spjega l-għan wara l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Gżira u fisser kif l-iskop hu li l-pubbliku, partikolarment żgħażagħ oħra, jkunu jistgħu jgawdu l-baħar li toffri l-gżira flimkien mal-familji tagħhom.
//= $special ?>
